Mistoqsija Parlamentari - O-000087/2014Mistoqsija Parlamentari
O-000087/2014

L-impjant tal-azzar Acciai Speciali Terni (AST) fl-Italja

20.11.2014

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000087/2014
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Antonio Tajani, f'isem il-Grupp PPE

F'April 2012, il-grupp Finlandiż Outukumpu ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jakkwista l-produttur tal-azzar inossidabbli Inoxum, taqsima ta' ThyssenKrupp (TK), li s-sit ta' produzzjoni tal-azzar inossidabbli tagħha f'Terni (Italja), AST, kien parti minnu. Skont il-ftehim TK, min-naħa tagħha, takkwista 29,9 % tal-ishma f'Outukumpu.

F'Novembru 2012, il-Kummissjoni approvat l-akkwist ta' Inoxum bil-kundizzjoni li l-AST jinbiegħ flimkien ma' ċerti faċilitajiet ta' distribuzzjoni, sabiex titħares il-kompetizzjoni fis-suq taż-ŻEE għall-azzar inossidabbli llaminat bil-kesħa. Dan kellu jseħħ qabel Mejju 2013: madankollu, l-iskadenza ġiet estiża darbtejn.

Finalment, f'Jannar 2014 TK ħarġet il-proposta tagħha biex takkwista l-AST. Matul il-proċess ta' divestiment tat garanziji u ppreżentat pjan kummerċjali li wera li se tiżviluppa l-AST bħala kompetitur b'saħħtu u kredibbli għall-parteċipanti fis-suq tal-prodotti tal-azzar inossidabbli llaminat bil-kesħa. Madankollu, f'Lulju 2014 ġie ppreżentat pjan industrijali għall-AST li jinvolvi t-tnaqqis ta' madwar 550 impjieg u t-tnaqqis tan-nefqa b'EUR 100 miljun, kif ukoll l-għeluq ta' wieħed miż-żewġ fran għal-laminazzjoni bis-sħana sal-2015/2016.

Fl-4 ta' Novembru 2014, delegazzjoni mmexxija mill-Viċi Presidenti tal-PE, Tajani u Sassoli, u li inkludiet ukoll rappreżentanti tas-sindakati tal-impjant tal-azzar, il-President tar-reġjun tal-Umbria u s-Sindku ta' Terni, iltaqgħet mal-'kabinett' ta' Margrethe Vestager, il-Kummissarju responsabbli għall-kompetizzjoni, biex jiddiskutu din il-kwistjoni.

Hemm dubji kbar dwar l-approċċ, billi fil-proċess tal-produzzjoni tal-azzar il-kwalità tal-prodott illaminat bil-kesħa tiddependi ferm mill-kwalità tal-prodotti llaminati bis-sħana. L-AST huwa sit integrat fejn iseħħu ż-żewġ proċessi; konsegwentement, it-tnaqqis fil-produzzjoni tal-prodotti llaminati bis-sħana jkollu impatt negattiv fuq il-kwalità tal-prodott finali u għalhekk inaqqas l-kompetittività ġenerali tal-impjant.

Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta' TK mhijiex konformi mal-garanziji mogħtija matul il-proċess ta' divestiment.

Il-Kummissjoni tista' tiddikjara x'azzjoni ħadet wara ż-żjara tal-Viċi Presidenti tal-PE fl-4 ta' Novembru 2014?

Il-Kummissjoni tista' tiddikjara liema fondi u strumenti ta' politika tal-UE ġew mobilizzati biex jittaffew il-kostijiet soċjali tal-aġġustament u biex jiġi żgurat li l-ħiliet rilevanti jinżammu u jiġu żviluppati għall-kompetittività futura tal-industrija?

Il-Kummissjoni tista' tiddikjara ġietx attivata t-task force interservizzi għal każijiet ta' ristrutturazzjoni, kif mitlub mis-sindakati, mill-Parlament Ewropew u mill-Gvern Taljan?