Mistoqsija Parlamentari - O-000008/2015Mistoqsija Parlamentari
O-000008/2015

Strateġija għall-alkoħol

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000008/2015
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Alberto Cirio, Glenis Willmott, Marcus Pretzell, José Inácio Faria, Younous Omarjee, Piernicola Pedicini, f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel

Proċedura : 2015/2543(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-000008/2015
Testi mressqa :
O-000008/2015 (B8-0108/2015)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

L-użu ta' ħsara tal-alkoħol għadu t-tielet l-akbar kawża ta' mewt u ta' mard li jistgħu jiġu evitati fl-Ewropa, u huwa fattur ta' riskju għal aktar minn 60 marda kronika, inkluż il-kanċer, il-mard tal-qalb u l-mard tal-fwied. L-użu ħażin tal-alkoħol huwa marbut ukoll mal-obesità, li hija ta' tħassib ewlieni għas-saħħa pubblika u r-raba' l-akbar kawża ta' mard li jista' jiġi evitat fl-Ewropa. Barra minn hekk, l-użu ħażin tal-alkoħol u d-dipendenza fuqu huma marbuta ma' problemi oħra soċjali inklużi l-assenteiżmu fuq il-post tax-xogħol, it-tifrik tal-familji u l-vjolenza. L-Ewropa għandha l-ogħla rata ta' konsum tal-alkoħol fid-dinja.

Fid-dawl ta' dak imsemmi hawn fuq, u tal-fatt li l-istrateġija preċedenti tal-Kummissjoni ta' appoġġ għall-Istati Membri fit-tnaqqis tal-ħsara relatata mal-alkoħol intemmet fl-2012, il-Kummissjoni qed tiġi mitluba twieġeb dan li ġej:

1. Se tressaq proposti għal strateġija ġdida dwar l-alkoħol? Tista' tispjega jekk humiex qed jittieħdu xi azzjonijiet oħra minbarra dan il-pjan?

2. Id-dokument il-ġdid se jiddistingwi b'mod xieraq bejn imġiba u oħra u bejn attitudnijiet differenti fil-konfront tal-konsum tal-alkoħol, u bejn il-prodotti tal-alkoħol?

3. Tista' tispjega għaliex għadu ma ġiex ippubblikat rapport ġdid u separat dwar l-applikazzjoni tar-rekwiżiti biex jingħataw il-listi tal-ingredjenti u l-informazzjoni nutrizzjonali għal xorb alkoħoliku, meta jitqies li r-Regolament 1169/2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi jistabbilixxi li tali rapport kellu jiġi prodott sa Diċembru 2014? Il-Kummissjoni għadha biħsiebha tipproduċi dan ir-rapport?

4. Fid-dawl tal-esperjenza tal-Forum Ewropew dwar l-Alkoħol u s-Saħħa, il-Kummissjoni biħsiebha tieħu xi inizjattiva sabiex tħeġġeġ il-koordinazzjoni u l-involviment tal-partijiet interessati?