Mistoqsijiet parlamentari
PDFWORD
20 ta' April 2015
O-000040/2015
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000040/2015
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Sophia in 't Veld, Guy Verhofstadt, Petras Auštrevičius, Dita Charanzová, Fredrick Federley, Juan Carlos Girauta Vidal, Kaja Kallas, Louis Michel, Frédérique Ries, Marietje Schaake, f'isem il-Grupp ALDE

 Suġġett: Rati mnaqqsa ta' VAT fuq il-kotba diġitali u l-gazzetti

L-objettiv ewlieni tal-Aġenda Diġitali tal-UE huwa li jiġi żviluppat suq uniku diġitali bil-għan li jiġi ġġenerat tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Ewropa, sabiex jitrawmu l-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u l-progress.

Sadamittant, ir-regoli attwali tal-VAT ma jippermettux li jiġu applikati rati mnaqqsa tal-VAT fuq is-servizzi mogħtija b'mod elettroniku, bħall-kotba u l-gazzetti elettroniċi, li jpoġġuhom fi żvantaġġ meta mqabbla mal-kotba u l-gazzetti stampati. Dan mhux biss jgħawweġ il-kompetizzjoni, iżda jmur kontra l-objettivi tal-Aġenda Diġitali tal-UE u l-Istrateġija UE 2020 għal ekonomija bbażata fuq l-għarfien.

Il-Kummissjoni tagħraf fuq il-karta li prodotti u servizzi simili għandhom ikunu suġġetti għall-istess rata tal-VAT u li għandu jitqies il-progress fit-teknoloġija(1); madankollu hija mhijiex tieħu pożizzjoni attiva fir-rieżami attwali tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-VAT. Wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja(2) li pprojbixxiet lil Franza u lil-Lussemburgu milli japplikaw rata mnaqqsa tal-VAT fuq il-provvista ta' kotba elettroniċi, il-Kummissjoni, minflok ma ħadet passi deċiżivi biex tindirizza t-trattament diskriminatorju, fejn jidħol il-VAT, tas-servizzi diġitali, qiegħda tgħid li għadu kmieni wisq biex tispekula fuq l-alternattivi differenti (ittra tal-Kummissarju Moscovici tal-25 ta' Marzu 2015).

Fid-19 ta' Marzu 2015 il-Ministri tal-Kultura tal-Ġermanja, Franza, l-Italja u l-Polonja talbu lill-UE tintroduċi l-istess rata mnaqqsa tal-VAT għall-kotba elettroniċi li hija tapplika fuq il-kotba stampati, filwaqt li insistew li l-prinċipju tan-newtralità teknoloġika jiġi ddikjarat b'mod ċar fil-livell Ewropew, sabiex l-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-kotba diġitali ma jkunux kompromessi(3).

Bil-għan li tirrispondi għall-isfidi tal-ġurnata - billi tipprovdi l-ispinta meħtieġa b'mod urġenti lill-ekonomija Ewropea u billi tiżgura li l-Ewropa jkollha l-pożizzjoni mexxejja fl-ekonomija diġitali - il-Kummissjoni se tieħu l-passi li tant ilhom meħtieġa biex tressaq, mill-aktar fis possibbli, proposti għal rati tal-VAT li jirriflettu r-realtà l-ġdida fl-era tal-internet?

(1) http://ec.europa.eu/taxation_customs/resources/documents/taxation/gen_info/good_governance_matters/digital/report_digital_economy.pdf
(2) http://curia.europa.eu/jcms/upload/docs/application/pdf/2015-03/cp150030en.pdf
(3) http://the-digital-reader.com/2015/03/ 20/french-german-italian-and-polish-govt-call-for-reduced-taxes-on-ebooks/

Lingwa oriġinali tal-mistoqsija: EN
Avviż legali - Politika tal-privatezza