L-aħħar traġedji bid-dgħajjes tal-migranti fil-Mediterran
21.4.2015
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000043/2015
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Monika Hohlmeier, Roberta Metsola, Elisabetta Gardini, Giovanni La Via, Elissavet Vozemberg, Michał Boni, Barbara Matera, Salvatore Domenico Pogliese, Alessandra Mussolini, Lorenzo Cesa, Lara Comi, Carlos Coelho, Daniel Buda, f'isem il-Grupp PPE
Daqs 900 persuna kienu maħsuba mejta wara li dgħajsa tas-sajd ippakkjata bil-migranti nqalbet lil hinn mill-kosta tal-Libja nhar is-Sibt, 18 ta' April 2015. L-inċident seħħ f'żona ftit 'il barra mill-ibħra Libjani, 193 km 'l isfel mill-gżira Taljana ta' Lampedusa.
Dan qed iseħħ fost mewġa ta' migranti li qegħdin jippruvaw jitilqu mil-Libja għax-xtut Taljani. Mill-bidu tas-sena 'l hawn, aktar minn 1 500 persuna mietu huma u jippruvaw jaslu l-Ewropa. Fiż-żmien immedjat, hemm bżonn ta' aktar assi fil-Mediterran biex isalvaw il-ħajjiet u jżarmaw bil-qawwa n-netwerks tat-traffikar tal-bnedmin. Fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni qiegħda tiġi mistoqsija dan li ġej:
– Qiegħda tikkunsidra il-possibbiltà li twettaq operazzjoni navali militari konġunta bejn l-UE u n-NU mal-kosta tal-Libja ħalli jitwaqqaf it-traffikar tal-bnedmin, jinqerdu n-netwerks tal-kriminali u t-terroristi (speċjalment dawk li joperaw mill-portijiet Libjani) u li fl-aħħar mill-aħħar jiġu salvati l-ħajjiet?
– Xi pjanijiet konkreti għandha biex tagħmel lill-Istati Membri jikkontribwixxu b'aktar riżorsi (f'termini ta' persunal u tagħmir) għall-operazzjonijiet ta' salvataġġ konġunti bil-għan li jiġu salvati l-ħajjiet u li tiġi żgurata s-sikurezza tal-migranti u t-timijiet ta' salvataġġ tagħhom minn kriminali u terroristi fl-ibħra internazzjonali?
– Se tipproponi linji gwida għal mekkaniżmu għall-kriżijiet li jinkludi sistema ta' distribuzzjoni għall-UE kollha għal dawk li qed ifittxu l-ażil biex ittaffi l-piż fuq l-Istati Membri affettwati?
– X'inhuma r-riżultati tad-djalogu tal-UE mal-Unjoni Afrikana u l-Lega Għarbija, u mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu, fir-rigward tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam mal-immaniġġjar ta' dawk li qed ifittxu l-ażil fit-territorji tagħhom stess u fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin?
– Kif qiegħda tippjana biex issaħħaħ il-baġit u r-riżorsi umani tal-Frontex, u tipprovdi sostenn lill-Membri l-aktar milquta, biex dawn ikunu jistgħu jikkontribwixxu b'mod effikaċi għal operazzjonijiet akbar ta' tiftix u salvataġġ u operazzjonijiet biex tiġi żgurata l-kosta tal-UE?
– Hija lesta ssaħħaħ mingħajr dewmien ir-rwol tat-Tim tal-Operazzjoni Konġunta Mare tal-EUROPOL bħala l-koordinatur ewlieni tal-ġlieda kontra l-kriminali bla ħniena responsabbli mill-mewt ta' eluf ta' migranti?