Mistoqsija Parlamentari - O-000051/2015Mistoqsija Parlamentari
O-000051/2015

Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ - jeħtieġ implimentazzjoni ta' malajr fil-livell tal-Istati Membri

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000051/2015
lill-Kunsill
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Marita Ulvskog, f'isem il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Proċedura : 2015/2679(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-000051/2015
Testi mressqa :
O-000051/2015 (B8-0551/2015)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Il-kriżi wasslet sabiex il-qgħad fost iż-żgħażagħ jilħaq livelli allarmanti f'ħafna Stati Membri u reġjuni. Ħafna żgħażagħ huma mċaħħda mill-possibbiltà li jsibu l-ewwel impjieg tagħhom u b'hekk qed ikunu mxekklin milli jassumu ħajja adulta indipendenti. Fl-2013, bil-għan li tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, ġiet adottata l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ. L-iskop tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ huwa li tipprovdi finanzjament sabiex tippromwovi l-impjieg taż-żgħażagħ fl-aktar reġjuni milquta tal-UE, inkluż billi tistabbilixxi skemi ta' garanzija għaż-żgħażagħ. Bil-ħsieb li tiġi żgurata implimentazzjoni ta' malajr, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ ġiet assenjata fondi bil-quddiem u n-nefqa saret eliġibbli sa mill-1 ta' Settembru 2013.

Madankollu, ferm aktar minn sena wara l-varar tal-programm, ir-riżultati fuq il-post ma jissodisfawx l-istennijiet inizjali. Il-miżuri mfasslin biex jippermettu użu ta' malajr mill-fondi ma wasslux għal mobilizzazzjoni rapida u effiċjenti tal-Inizjattiva. Opportunitajiet biex il-qgħad fost iż-żgħażagħ jiġi indirizzat b'mod urġenti baqgħu ma ġewx sfruttati.

Inizjalment l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ ġiet proposta mill-Kunsill Ewropew. Madankollu, fil-preżent, aktar minn sena u nofs wara li n-nefqa saret eliġibbli, l-użu tar-riżorsi tal-Inizjattiva mill-Istati Membri altru li ma jissodisfax l-aspettattivi u l-progress mhuwiex uniformi. Apparti nuqqas ta' likwidità għall-varar tal-Inizjattiva – kwistjoni li issa ġiet indirizzata mill-proposta għal żieda sostanzjali fil-prefinanzjament – x'qed iżommhom lura lill-Istati Membri? X'biħsiebu jagħmel il-Kunsill biex iħeġġeġ b'urġenza implimentazzjoni effiċjenti u ta' malajr?

Fil-medja, l-Istati Membri ffaċċjati bl-ogħla rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ u l-aktar milqutin mill-kriżi waqgħu lura fl-użu tar-riżorsi tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u fl-implimentazzjoni ta' skemi ta' garanzija għaż-żgħażagħ, filwaqt li hemm bżonn politiki fit-tul biex jindirizzaw din il-kwistjoni. X'ostakoli speċifiċi qegħdin jiffaċċjaw? X'titjib jista' jwiegħed il-Kunsill? Il-Kunsill jista' jiżgura finanzjament sod għall-Inizjattiva ladarba l-fondi assenjati minn qabel ikunu ntużaw?

Il-Parlament qed jistenna li jsir użu ta' malajr, effiċjenti u orjentat lejn ir-riżultati tal-prefinanzjament addizzjonali fi żmien 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament emendatorju. Il-Kunsill x'miżuri qed jipprevedi sabiex jiżgura liż-żgħażagħ qiegħda u lill-Parlament minn dan l-użu rapidu tal-fondi? Kif biħsiebu jirrapporta dwar il-progress liż-żgħażagħ qiegħda, lill-Parlament u lill-partijiet interessati l-oħra involuti? Jista' jwiegħed valutazzjoni tal-progress sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament emendatorju? Kif biħsiebu jipproċedi meta r-riżultati ma jilħqux l-aspettattivi, anke wara ż-żieda attwali fil-prefinanzjament?