Ir-rapport annwali tal-2014 tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF
22.5.2015
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000060/2015
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Petri Sarvamaa, f'isem il-Grupp PPE
Bart Staes, f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ir-Rapport tal-Attività Annwali tal-2014 tal-Kumitat ta’ Sorveljanza (KS) tal-OLAF qajjem ċertu tħassib serju fil-Parlament. Skont ir-rapport, hemm problemi rigward l-indipendenza tal-KS, il-konformità tal-OLAF mar-Regolament dwar l-OLAF u l-arranġamenti ta' ħidma bejn l-OLAF u l-KS. Ir-rapport iħalli dubji dwar kif l-OLAF jipproteġi b'mod effettiv l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
– L-OLAF fetaħ 423 każ fl-istess jum b'deċiżjoni unika tad-Direttur Ġenerali tiegħu, u dan imur kontra r-rekwiżit legali għall-ftuħ ta' investigazzjoni tal-OLAF.
– Il-KS dejjem irrimarka l-inabilità tiegħu li jissorvelja l-independenza tal-OLAF, il-funzjoni investigattiva tiegħu, l-applikazzjoni tal-garanziji proċedurali u d-dewmien tal-investigazzjonijiet minħabba n-nuqqas ta' aċċess għall-informazzjoni neċessarja.
– Hemm differenza fundamentali tal-opinjonijiet fil-perċessjoni tar-rwol tal-KS.
1. Il-Kummissjoni kif irreaġixxiet għall-inċident imsemmi hawn fuq dwar il-ftuħ tal-każijiet?
2. Il-Kummissjoni x'għamlet biex tiżgura li l-OLAF jikkonforma mar-rekwiżiti legali indirizzati lilu fir-Regolament dwar l-OLAF?
3. X'inhi l-perċezzjoni tal-Kummissjoni tal-arranġamenti ta' ħidma u r-relazzjonijiet ta' ħidma bejn l-OLAF u l-KS? Il-Kummissjoni kif biħsiebha tiffaċilita djalogu kostruttiv bejniethom, sabiex it-tnejn li huma jkollhom r-rwol tagħhom fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u fl-ottimizzazzjoni tal-funzjonament u l-effiċjenza tal-OLAF?
4. Il-Kummissjoni għandha pjan ta' azzjoni biex issolvi dawn in-nuqqasijiet serji ppreżentati fir-Rapport ta' Attività Annwali tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF?