Investigazzjonijiet tal-OLAF
2.6.2015
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000066/2015
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Michael Theurer, Martina Dlabajová, Nedzhmi Ali, Gerben-Jan Gerbrandy, Dita Charanzová, Frédérique Ries, f'isem il-Grupp ALDE
Ir-Rapport Annwali ta’ Attività tal-2014 tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF (KS) qajjem xi mistoqsijiet serji fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit responsabbli għal kwistjonijiet tal-OLAF. Skont ir-rapport, hemm problemi rigward l-iżgurar tal-indipendenza tal-KS, l-arranġamenti ta’ ħidma bejn l-OLAF u l-KS għad iridu jitjiebu, u tqajjem ukoll ċertu tħassib dwar il-konformità tal-attivitajiet ta’ kuljum tal-OLAF mar-Regolament Nru 883/2013. Ir-rapport jissuġġerixxi li jista’ jsir ċertu titjib sabiex jipproteġi aħjar l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
– In-nuqqas ta’ aċċess għall-informazzjoni jidher li huwa r-raġuni ewlenija li tipprevjeni lill-KS milli jiżgura bis-sħiħ l-indipendenza tal-OLAF, il-funzjoni investigattiva tiegħu, l-applikazzjoni tal-garanziji proċedurali u d-dewmien tal-investigazzjonijiet.
– Ir-Regolament Nru 883/2013 ma jiddeskrivix b’mod ċar ir-rwol tal-KS u jagħti lok għal diversi interpretazzjonijiet.
– Fl-2012, l-OLAF fetaħ 423 każ fl-istess jum fuq il-bażi ta’ deċiżjoni waħda tad-DĠ. Għadu mhux ċar jekk id-deċiżjoni meħuda kinitx ta’ natura purament amministrattiva u jekk l-aspetti legali kollha ġewx ikkunsidrati.
1. Filwaqt li tirrispetta l-indipendenza tal-OLAF, il-Kummissjoni qiegħda timmonitorja jew tieħu miżuri oħra biex tiżgura li l-attivitajiet tal-OLAF huma f’konformità sħiħa ma’ dan ir-Regolament?
2. Peress li l-arranġamenti ta’ ħidma bejn l-OLAF u l-KS għad iridu jitjiebu u r-rwol preċiż u d-drittijiet tal-KS għandhom jiġu ċċarati, il-Kummissjoni qiegħda tippjana li tieħu kwalunkwe pass proattiv biex tiffaċilita dan il-proċess kif għamlet fil-passat? X’miżuri se tieħu l-Kummissjoni biex tiżgura li l-KS jista’ jaqdi r-rwol partikolari tiegħu fil-futur?
3. X’inhi l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-prattika tal-OLAF li jiftaħ għadd konsiderevoli ta’ każijiet f’jum wieħed?
4. X’inhi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni u x’inhuma l-pjanijiet tal-Kummissjoni, jekk hemm, biex tindirizza l-problemi mqajma fir-Rapport Annwali ta’ Attività tal-2014 tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF?