Mistoqsija Parlamentari - O-000070/2015Mistoqsija Parlamentari
O-000070/2015

Trasparenza tal-applikazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000070/2015
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Marco Valli, Marco Zanni, f'isem il-Grupp EFDD

Proċedura : 2015/2731(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-000070/2015
Testi mressqa :
O-000070/2015 (B8-0557/2015)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Il-Professur Giuseppe Guarino, ġurista u ex ministru Taljan ta' fama kbira, kemm-il darba saħaq f'bosta saġġi li r-Regolament (KE) Nru 1466/97 (dwar il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir) huwa effettivament illegali billi jikser it-Trattati tal-UE.

Skont dan l-argument, ir-Regolament (KE) Nru 1466/97 u l-miżuri suċċessivi l-oħra huma inkompatibbli mal-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-imsemmi artikolu huwa l-adattament post-Lisbona tal-Artikolu 104c preċedenti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li stabbilixxa l-hekk imsejħa kriterji ta' Maastricht kif definiti fil-Protokoll anness dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv. Dawn il-kriterji qatt ma nbiddlu, anki wara t-Trattat ta' Lisbona.

Skont dan il-Protokoll (Nru 12), il-valuri ta' referenza li huma neċessarji għall-konformità mad-dixxiplina baġitarja huma, għal kull Stat Membru, proporzjon ta' defiċit tal-gvern mal-prodott domestiku gross (PDG) li ma jkunx ogħla minn 3 % u proporzjon ta' dejn tal-gvern mal-PDG ta' 60 %.

Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jistabbilixxi bħala objettiv ta' terminu medju l-pożizzjoni ta' baġit qrib il-bilanċ jew f'bilanċ favorevoli, b'hekk ma jiħux kont tal-proporzjon massimu ta' defiċit mal-PDG ta' 3 %.

Ir-regolamenti jikkostitwixxu atti ta' leġiżlazzjoni ordinarja u għaldaqstant għandhom ikunu suġġetti għat-Trattati, bl-istess mod kif il-leġiżlazzjoni ordinarja ta' pajjiż hija suġġetta għall-kostituzzjoni ta' tali pajjiż.

Il-Kummissjoni tista' tiċħad jew tikkonferma li r-Regolament (KE) Nru 1466/97 u r-Regolamenti sussegwenti (KE) Nri 1055/2005 u 1175/2011 huma illeġittimi jew illegali billi jiksru t-Trattati tal-UE?

Il-Kummissjoni tista' tiċħad jew tikkonferma li r-Regolament (KE) Nru 1466/97 u l-atti sussegwenti ssostitwixxew l-objettiv ta' "tkabbir ekonomiku" konferit lill-UE u lill-euro mit-Trattati bl-objettiv differenti, u saħansitra oppost, ta' "bilanċjament tal-baġit"?