Id-dimensjoni tal-ġeneri tat-traffikar tal-bnedmin
18.6.2015
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000079/2015
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Iratxe García Pérez, Catherine Bearder, f'isem il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
It-traffikar tal-bnedmin (THB) huwa ksur gravi tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u forma serja ta' kriminalità organizzata li taffettwa lin-nisa, lill-irġiel, lill-bniet u lis-subien li huma traffikati f'ċirkostanzi differenti u li jeħtieġu assistenza u appoġġ speċifiċi għall-ġeneru, kif imsemmi fid- Direttiva 2011/36/UE. Skont l-Eurostat, in-nisa ammontaw għal 68 %, l-irġiel għal 17 %, il-bniet għal 12 % u s-subien għal 3 % ta' dawk traffikati.
Il-Kummissjoni qed timmonitorja l-progress tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri, pereżempju permezz tal-Istrateġija tal-UE lejn l-Eradikazzjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin li tidentifika l-vjolenza kontra n-nisa u l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri bħala l-kawża ewlenija tat-traffikar.
Billi t-traffikar tal-bnedmin huwa rikonoxxut bħala fenomenu speċifiku għall-ġeneru, liema miżuri konkreti qed tippjana li tieħu l-Kummissjoni sabiex jiġi żviluppat l-għarfien dwar id-dimensjoni tal-ġeneri tat-traffikar tal-bnedmin?
Il-Kummissjoni kellha tippreżenta, sas-6 ta' April 2015, rapport li jevalwa l-miżuri meħuda mill-Istati Membri sabiex ikunu konformi mad-Direttiva 2011/36/UE. Il-Kummissjoni meta se tkun tista' tippreżenta dan ir-rapport? X'miżuri biħsiebha tieħu l-Kummissjoni biex tindirizza d-dewmien fit-traspożizzjoni u l-konformità mill-Istati Membri? Il-Kummissjoni tqis li fl-Istati Membri li ttrasponew id-Direttiva, l-implimentazzjoni hija adegwata biex jintlaħqu l-miri tad-Direttiva?
Meta wieħed iqis li l-istrateġija attwali tiskadi fl-2016, il-Kummissjoni se timmira għal strateġija futura biex tinkorpora perspettiva ċara tal-ġeneri u tagħti prijorità lid-drittijiet tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom, b'enfasi partikolari fuq metodi ġodda ta' traffikar tal-bnedmin? Approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem li jiffoka fuq il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għandu jiskoraġġixxi d-domanda għal kull forma ta' traffikar tal-bnedmin, inkluż bl-iskop ta' sfruttament sesswali li hija l-aktar forma komuni ta' sfruttament. X'azzjonijiet konkreti qed tippjana li tieħu l-Kummissjoni sabiex tidentifika l-aħjar prattiki li l-Istati Membri għandhom jikkondividu fid-dawl ta' din l-istrateġija l-ġdida? B'mod partikolari, liema azzjonijiet relatati ma' miżuri speċifiċi għall-ġeneru għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u għat-tnaqqis tal-provvista u tad-domanda se tieħu l-Kummissjoni?