Mistoqsija għal tweġiba orali O-000090/2015 lill-Kunsill Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura Thomas Händel, f'isem il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-2014, il-Parlament Ewropew stieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-persuni b’kuntratti temporanji jew part-time jew li għandhom impjiegi indipendenti jkollhom sett bażiku ta’ drittijiet u protezzjoni soċjali adegwata.
F'riżoluzzjoni oħra tas-17 ta' Lulju 2014 dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ, il-Parlament ħeġġeġ lill-Istati Membri jassoċjaw il-politiki dwar l-impjieg taż-żgħażagħ ma' kuntratti ta' xogħol ta' kwalità u sostenibbli sabiex jindirizzaw il-prekarjetà strutturali li qed tiżdied u n-nuqqas ta' impjieg.
Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar l-impjieg taż-żgħażagħ 2011-2014, il-Kunsill irrikonoxxa li l-impjieg prekarju jirrappreżenta wieħed mill-ostakoli ewlenin għall-awtonomija u għat-tranżizzjoni lejn l-età adulta għaż-żgħażagħ u qed joħloq aktar u aktar inugwaljanzi interġenerazzjonali.
1. Il-Kunsill jista’ jispjega liema progress seħħ fil-ġlieda kontra l-impjiegi prekarji fl-Istati Membri?
2. L-Istati Membri kif qegħdin jiżguraw li l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ ma jwasslux għal żieda fl-impjieg prekarju fost iż-żgħażagħ?
3. Il-Kunsill kif se jippromwovi l-koordinazzjoni tal-azzjoni mill-Istati Membri (Artikolu 153(2a) TFUE) sabiex jiġġieldu l-impjieg prekarju? Sa liema punt tista' l-Aġenda tax-Xogħol Diċenti tal-ILO u l-Programmi integrati ta’ Xogħol Diċenti skont il-Pajjiżi tagħha jipprovdu appoġġ għal din il-koordinazzjoni?
4. Il-Kunsill jista' jindika meta dawn is-suġġetti msemmija hawn fuq se jitqiegħdu fuq l-aġenda tiegħu?