Mistoqsija Parlamentari - O-000109/2015Mistoqsija Parlamentari
O-000109/2015

    It-tiġdid tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fl-Iżvilupp (GAP)

    Mistoqsija għal tweġiba orali O-000109/2015
    lill-Kunsill
    Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
    Linda McAvan, f'isem il-Kumitat għall-Iżvilupp

    Proċedura : 2015/2754(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    O-000109/2015
    Testi mressqa :
    O-000109/2015 (B8-0762/2015)
    Votazzjonijiet :
    Testi adottati :

    Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tan-Nisa fl-Iżvilupp (2010-2015) (GAP) kellu rwol sinifikanti biex jiżdiedu u jiġu kkoordinati aħjar l-isforzi tal-UE u l-Istati Membri tagħha fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa (GEWE). L-evalwazzjonijiet tal-GAP jikkonkludi li, għalkemm inkisbu numru ta’ riżultati importanti, hemm nuqqasijiet fl-implimentazzjoni. Il-GAP il-ġdid 2016-2020 huwa maħsub biex jindirizza dawn in-nuqqasijiet sabiex jipprovdi bażi soda għal azzjoni fi tliet oqsma ta’ prijorità proposti: l-iżgurar tal-integrità fiżika u psikoloġika tan-nisa u l-bniet; it-tħeġġiġ tad-drittijiet ekonomiċi tan-nisa; u t-tisħiħ tal-leħen u l-parteċipazzjoni tan-nisa u l-bniet.

    1. Il-Kunsill jikkondividi t-tħassib espress fl-evalwazzjonijiet tal-GAP attwali rigward l-implimentazzjoni insuffiċjenti u, jekk iva, liema huma l-ostakli ewlenin u x’inhuma l-lezzjonijiet li ttieħdu biex titjieb l-implimentazzjoni tal-GAP il-ġdid?

    2. Il-Kunsill jaqbel mal-oqsma ta’ prijorità fil-GAP il-ġdid u liema huma l-akbar sfidi f’dawk l-oqsma ta’ prijorità?

    3. X’inhi l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-iżgurar tal-koerenza tal-politiki esterni billi jiġi applikat il-GAP fil-politiki esterni kollha, inklużi djalogi politiċi ma’ pajjiżi terzi u l-kummerċ?

    4. Minħabba n-nuqqasijiet identifikati fl-implimentazzjoni tal-ewwel GAP, il-Kunsill se jissorvelja l-implimentazzjoni tat-tieni GAP mill-Istati Membri u jħeġġiġhom biex jiżguraw biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji għal din l-implimentazzjoni kemm lokalment kif ukoll fl-ambaxxati? X’inhuma l-aħjar prattiki biex jissaħħu t-trasparenza u r-responsabbiltà biex jiġi żgurat li l-ipprogrammar ikun sensittiv għall-ġeneru u jindirizza l-kawżi bażiċi tal-inugwaljanzi?

    5. Il-Kunsill huwa impenjat li juża r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-2017 tad-DCI u r-reviżjoni tal-prestazzjoni tal-11-il FEŻ biex jivvaluta l-impatt ta’ programmi li huma ffinanzjati mid-DCI u mill-FEŻ dwar in-nisa u l-bniet u biex jagħmel ir-riallokazzjonijiet neċessarji sabiex jindirizza n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-GAP u l-SDGs ta' wara l-2015?

    6. Fil-fehma tal-Kunsill, kif u sa liema punt irnexxielha l-Kummissjoni trawwem il-komplementarjetà u l-koordinazzjoni bejn l-azzjonijiet tagħha għal GEWE u dawk tal-Istati Membri?