Mistoqsija Parlamentari - O-000113/2015Mistoqsija Parlamentari
O-000113/2015

Il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur tal-karozzi

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000113/2015
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Giovanni La Via, f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel
Vicky Ford, f'isem il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Jerzy Buzek, f'isem il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Michael Cramer, f'isem il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Proċedura : 2015/2865(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-000113/2015
Testi mressqa :
O-000113/2015 (B8-0764/2015)
Testi adottati :

Fit-18 ta’ Settembru 2015, l-Aġenzija għall-Protezzjoni Ambjentali (Environmental Protection Agency (EPA)) tal-Istati Uniti ħarġet avviż ta’ ksur tal-limiti tal-emissjonijiet kontra l-kumpanija Volkswagen. L-EPA u l-Bord tar-Riżorsi tal-Arja ta' California (Californian Air Resources Board) ivvalutaw sensiela ta' mudelli ta' karozzi diżil magħmula mill-kumpanija Volkswagen, u ġabru evidenza li l-vetturi fit-triq jagħmlu sa 40 darba aktar tniġġis milli jippermettu l-istandards tal-emissjonijiet. Il-kumpanija Volkswagen sussegwentement ammettiet li kienet immanipulat it-testijiet tal-livelli tal-emissjonijiet ta' vetturi diżil fis-suq tal-Istati Uniti permezz tal-użu sistematiku ta’ 'apparat manipulattiv' li jinganna t-test għall-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx) u huwa espliċitament ipprojbit taħt ir-Regolament (KE) Nru 715/2007.

Fid-dawl tal-importanza tal-protezzjoni taċ-ċittadini, ta’ saħħithom u tal-kwalità tal-arja, kif ukoll tal-fiduċja tal-konsumaturi fl-istandards u fil-mekkaniżmu tal-approvazzjoni tat-tip użat fl-Ewropa, huwa essenzjali li tiġi pprovduta informazzjoni sabiex jiġi vvalutat jekk is-sistemi ta’ ttestjar Ewropej ukoll intlaqtux ħażin minn manipulazzjoni ta' dan it-tip.

– Il-Kummissjoni kif se tinvestiga b'reqqa kwalunkwe manipulazzjoni potenzjali - tat-tip skopert fl-Istati Uniti - tal-proċess ta’ approvazzjoni fir-rigward tal-limiti ta’ emissjonijiet mill-kumpanija Volkswagen u impriżi oħra li jimmanifatturaw il-karozzi, kemm petrol kif ukoll diżil?

– L-awtoritajiet nazzjonali tal-approvazzjoni tat-tip kienu kajmana biex skoprew dawn il-prattiki qarrieqa, li jaf ilhom jintużaw għal ħafna snin. Liema rwol kellha l-Kummissjoni s’issa? Kif tista’ tkun żgurata l-indipendenza u r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali tal-approvazzjoni tat-tip u tal-ittestjar ?

– Jista' jkun li hemm involuti wkoll emissjonijiet niġġiesa oħra apparti l-NOx, jew saħansitra gassijiet b’effett ta’ serra (CO2)?

– X’passi se tieħu l-Kummissjoni biex ittejjeb u tarmonizza t-testijiet tal-emissjonijiet biex jirriflettu aħjar l-użu reali tal-vetturi bil-mutur wara l-introduzzjoni tat-testijiet tal-emissjonijiet waqt is-sewqan reali? Din il-metodoloġija tal-ittestjar se tiġi implimentata sal-2017, b’fattur ta’ konformità ta' 1 u abbażi ta’ ttestjar f'ċikli aleatorji?

– Il-Kummissjoni qed tieħu azzjoni immedjata biex tipprevjeni sitwazzjonijiet simili? Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri biex jittejbu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE u biex jiġu eliminati l-lakuni?

– X’miżuri qed tippjana li tieħu l-Kummissjoni biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għal sistema ta’ trasport, bit-triq u b'mezzi oħra, li jkun sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi?

– Il-Kummissjoni kif biħsiebha żżomm lill-Parlament Ewropew infurmat dwar l-investigazzjoni tagħha?