Azzjoni tal-Kummissjoni biex tikkonforma mal-Kawża T-521/14 Svezja vs Kummissjoni
13.1.2016
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000003/2016
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Matthias Groote, f'isem il-Grupp S&D
Gerben-Jan Gerbrandy, f'isem il-Grupp ALDE
Bas Eickhout, f'isem il-Grupp Verts/ALE
Merja Kyllönen, f'isem il-Grupp GUE/NGL
Piernicola Pedicini, f'isem il-Grupp EFDD
Fis-16 ta' Diċembru 2015, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-Kummissjoni Ewropea kienet kisret id-dritt tal-UE billi naqset milli tadotta miżuri dwar l-ispeċifikazzjoni ta' kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni ta' proprjetajiet ta' interferenti endokrinali skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (Kawża T-521/14 Svezja vs Kummissjoni). Il-Kummissjoni ġiet obbligata tadotta tali miżuri sa Diċembru 2013.
F'Lulju 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet li twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji soċjoekonomiċi ta' diversi għażliet għal tali kriterji, inklużi bosta għażliet għal bidliet regolatorji fil-leġiżlazzjoni settorjali.
Il-Qorti kkonkludiet li l-kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni ta' proprjetajiet ta' interferenti endokrinali għandhom ikunu bbażati fuq xjenza b'rabta mas-sistema endokrinali biss, indipendentement minn kull kunsiderazzjoni oħra, b'mod partikolari kunsiderazzjonijiet ekonomiċi.
Il-Qorti ddeċidiet ukoll li l-leġiżlatur stabbilixxa l-bilanċ bejn it-titjib tas-suq intern u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent, u li l-Kummissjoni ma tistax tqiegħed f'dubju dan il-bilanċ permezz tas-setgħat iddelegati lilha.
Fl-aħħar nett, il-Qorti kkonkludiet li l-liġi ma kinitx tirrikjedi tali analiżi tal-impatt, u anke kieku l-Kummissjoni kellha twettaq tali analiżi tal-impatt, dan bl-ebda mod ma kellu jeżoneraha, fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet għal dan l-għan, milli tikkonforma mal-iskadenzi stabbiliti għall-adozzjoni ta' dawk l-atti delegati.
Il-Kummissjoni issa se tieħu l-azzjoni b'mod urġenti biex tirrimedja għall-ksur tal-liġi bi qbil mal-Artikolu 266 tat-Trattati?