Ir-relazzjoni kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina u l-istatus ta' ekonomija tas-suq
19.1.2016
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000005/2016
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Bernd Lange, f'isem il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Iċ-Ċina hija waħda mis-sħab kummerċjali l-aktar importanti tal-UE, u r-relazzjoni kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina hija ta' importanza kbira għall-Parlament Ewropew. Meta ċ-Ċina ngħaqdet mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fl-2001, kien rikonoxxut li din kienet għadha ma temmitx it-tranżizzjoni biex issir ekonomija tas-suq. Għal din ir-raġuni, iċ-Ċina qablet dwar numru ta' obbligi biex issir ekonomija tas-suq, u f'Taqsima 15 tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina, tat permess lil membri oħra tad-WTO japplikaw il-metodoloġiji għal ekonomija mhux tas-suq għal importazzjonijiet miċ-Ċina sakemm tintemm it-tranżizzjoni lejn ekonomija tas-suq. Il-formulazzjoni tat-Taqsima 15(d) qed tiġi diskussa mil-lat politiku u ġuridiku, b'mod partikolari b'rabta mal-konsegwenzi li jista' jkollha skadenza eventwali tat-Taqsima 15(a)(ii). L-UE imponiet ħames kriterji tekniċi għad-definizzjoni ta' ekonomija tas-suq, u għalissa ċ-Ċina qed tissodisfa biss wieħed minnhom. Dan l-aħħar, l-UE u ċ-Ċina diġà ma setgħux jaqblu dwar proċeduri antidumping fuq prodotti differenti, u mill-pajjiżi esportaturi kollha li jinsabu fil-mira ta' investigazzjonijiet tal-UE kontra d-dumping u s-sussidji, iċ-Ċina tirrappreżenta madwar 80 %. L-UE għandha titkellem b'vuċi waħda u tiddefinixxi strateġija komuni fir-rigward ta' kwalunkwe deċiżjoni meħuda dwar l-istatus tal-ekonomija tas-suq u ċ-Ċina, filwaqt li l-Kummissjoni għandha taġixxi f'konformità mal-impenji tal-UE skont il-liġi internazzjonali u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kunsill u l-Parlament.
1. Il-Kummissjoni kif biħsiebha tindirizza l-kwistjoni tal-istatus tal-ekonomija tas-suq għaċ-Ċina, u x'inhuma l-għażliet li qed tikkunsidra attwalment? Il-Kummissjoni kif biħsiebha tikkoopera mal-Parlament u ma' partijiet interessati oħra f'dan il-qasam?
2. Tista' l-Kummissjoni tikkonferma li hi se tagħmel valutazzjoni tal-impatt approfondita u komprensiva, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lill-effetti ta' għażliet differenti ta' politika tal-UE dwar l-impjiegi fil-qasam tal-manifattura, l-utenti, l-investimenti u l-kompetittività tal-UE, inkluż għall-SMEs?
3. Il-Kummissjoni kif biħsiebha tikkoopera mas-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE sabiex tikkoordina approċċ komuni fi ħdan il-qafas tad-WTO?