Ftehim dwar it-tabakk (il-ftehim mal-PMI)
27.1.2016
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000016/2016
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Inés Ayala Sender, f'isem il-Grupp S&D
Bħalissa hemm erba' ftehimiet ta' kooperazzjoni fis-seħħ bejn l-Istati Membri u l-UE, u Philip Morris International (PMI), Japan Tobacco International (JTI), Imperial Tobacco Limited (ITL) u British American Tobacco (BAT) rispettivament. Il-ftehim mal-PMI wasal biex jiskadi f'Lulju 2016 u dan jirrikjedi li l-Partijiet jiltaqgħu mill-aktar fis bl-għan li jesploraw jekk il-ftehim ta' kooperazzjoni għandux jiġi estiż.
Għal diversi snin, b'mod partikolari minn Mejju 2015, il-Kummissjoni pposponiet il-pubblikazzjoni tal-valutazzjoni dwar il-ftehim mal-PMI. Il-ftehim mal-PMI għandu jiskadi f'inqas minn 6 xhur u l-Parlament, l-unika korp elett direttament, s'issa ma nżammx infurmat b'mod xieraq. Dan mhuwiex aċċettabbli demokratikament. Iċ-ċittadini Ewropej għandhom ikunu jafu x'inhi l-perspettiva tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà ta' tiġdid tal-ftehim mal-PMI u n-negozjati minn wara l-kwinti li għaddejjin bejn il-Kummissjoni u l-PMI.
1. Il-Kummissjoni meta se tagħti lill-Parlament il-valutazzjonijiet li talab fit-3 ta' April 2014 fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport Annwali 2012 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE – il-Ġlieda kontra l-frodi u fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012? X'ikkawża dan id-dewmien sostanzjali biex tingħata l-valutazzjoni? Kwalunkwe posponiment ulterjuri jista' jitqies bħala ksur tal-wegħda tal-Kummissjoni li tipprovdi fil-ħin il-valutazzjoni lill-Parlament.
2. Liema huma r-riżultati prinċipali li nkisbu taħt il-ftehimiet attwali mal-produtturi tat-tabakk? X'inhuma l-ostakli? X'inhi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-valur miżjud bit-tiġdid tal-ftehimiet attwali?
3. X'inhu l-istat attwali tan-negozjati? Xi skeda hija prevista? Meta u kif se jiġi infurmat il-Parlament?
4. X'implikazzjonijiet finanzjarji kellhom il-ftehimiet għall-Unjoni u l-Istati Membri, inkluż f'termini ta' multi imposti matul il-perjodu li fih dawn kienu fis-seħħ?
5. X'tipproponi l-Kummissjoni fir-rigward tal-iskop u t-tqassim tal-benefiċċji finanzjarji ta' kwalunkwe ftehim futur?
6. X'inhi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni ta' taxxa jew imposta fuq it-tabakk fil-livell tal-UE, bħala riżorsa proprja potenzjali tal-UE, biex tiġġieled kontra l-kuntrabandu u l-iffalsifikar tat-tabakk, u t-tabakk manifatturat speċifikament għall-kuntrabandu; dwar it-tisħiħ ta' programmi tal-UE f'dan il-qasam biex tappoġġa l-Istati Membri? u dwar il-finanzjament ta' programmi biex tħares is-saħħa pubblika fl-UE?