Mistoqsija Parlamentari - O-000019/2016Mistoqsija Parlamentari
O-000019/2016

Ftehim dwar it-tabakk (il-ftehim mal-PMI)

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000019/2016
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Dennis de Jong, Rina Ronja Kari, Anne-Marie Mineur, Martina Anderson, Matt Carthy, Liadh Ní Riada, Sofia Sakorafa, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Miguel Urbán Crespo, Estefanía Torres Martínez, Lola Sánchez Caldentey, Luke Ming Flanagan, f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2016/2555(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-000019/2016
Testi mressqa :
O-000019/2016 (B8-0115/2016)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Bħalissa hemm erba' ftehimiet ta' kooperazzjoni fis-seħħ bejn l-Istati Membri u l-UE, u Philip Morris International (PMI), Japan Tobacco International (JTI), Imperial Tobacco Limited (ITL) u British American Tobacco (BAT) rispettivament. Il-ftehim mal-PMI wasal biex jiskadi f'Lulju 2016 u dan jirrikjedi li l-Partijiet jiltaqgħu mill-aktar fis bl-għan li jesploraw jekk il-ftehim ta' kooperazzjoni għandux jiġi estiż.

Għal diversi snin, b'mod partikolari minn Mejju 2015, il-Kummissjoni pposponiet il-pubblikazzjoni tal-valutazzjoni dwar il-ftehim mal-PMI. Mhuwiex ċar għala l-Kummissjoni għamlet hekk. Il-ftehim mal-PMI għandu jiskadi f'inqas minn 6 xhur u l-Parlament, l-unika korp elett direttament, s'issa ma nżammx infurmat b'mod xieraq. Dan mhuwiex aċċettabbli demokratikament. Skont il-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk, iċ-ċittadini Ewropej għandhom jiġu mgħarrfa dwar il-perspettiva tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà ta' tiġdid tal-ftehim mal-PMI u dwar in-negozjati minn wara l-kwinti li għaddejjin bejn il-Kummissjoni u l-PMI.

1. Il-Kummissjoni meta se tagħti lill-Parlament il-valutazzjonijiet li talab fit-3 ta' April 2014 fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport Annwali 2012 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE – il-Ġlieda kontra l-frodi u fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012? X'ikkawża dan id-dewmien sostanzjali? Kwalunkwe posponiment ieħor se jimmina serjament ir-rwol tal-Parlament f'din il-kwistjoni.

2. Liema huma r-riżultati prinċipali li nkisbu taħt il-ftehimiet attwali mal-produtturi tat-tabakk? X'inhuma l-ostakli? X'inhi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-valur miżjud bit-tiġdid tal-ftehimiet attwali?

3. X'inhu l-istat attwali tan-negozjati? Xi skeda hija prevista? Meta u kif se jiġi infurmat il-Parlament?

4. X'implikazzjonijiet finanzjarji kellhom il-ftehimiet għall-Unjoni u l-Istati Membri, inkluż f'termini ta' multi imposti skont il-ftehimiet sa mill-konklużjoni tagħhom?

5. X'tipproponi l-Kummissjoni fir-rigward tal-iskop u t-tqassim tal-benefiċċji finanzjarji ta' kwalunkwe ftehim futur?