Naffrontaw l-inugwaljanzi sabiex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli fl-UE
17.3.2016
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000047/2016
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Thomas Händel, f'isem il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Hemm kunsens dejjem jikber fl-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OECD dwar il-ħtieġa li tiġi indirizzata ż-żieda kostanti fl-inugwaljanza rigward l-introjtu u l-ġid, u dan qed jagħmel ħsara lit-tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli. L-inugwaljanza f'ħafna pajjiżi tal-OECD qiegħda fl-ogħla livell li qatt kienet, u qed tqajjem mhux biss tħassib soċjali u politiku, iżda anke tħassib ekonomiku (bħall-impatt negattiv fuq it-tkabbir tal-PDG, li jkejjel il-livell ġenerali ta' attività ekonomika).
L-inugwaljanza żdiedet b'rati differenti fl-Istati Membri. L-inugwaljanzi u l-konsegwenzi soċjali tagħhom huma kumplessi u għandhom jiġu indirizzati permezz ta' approċċ olistiku li jinkludi politiki soċjali u makroekonomiċi. Dan l-iskwilibriju jista' jxekkel it-tkabbir. Barra minn hekk, l-effetti tax-xokkijiet asimmetriċi li jirriżultaw mill-kriżi jistgħu jinħassu fi stadji differenti, u eventwalment jaffettwaw il-pajjiżi kollha. "L-isfida, għalhekk, hija li jinstabu pakketti ta' politika xierqa li jiffavorixxu t-tkabbir kif ukoll inaqqsu l-inugwaljanza", kif iddikjarat fir-rapport tal-OECD "In it together: Why Less Inequality Benefits All".
Il-Kummissjoni temmen li l-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2016, li jidentifika l-inugwaljanza bħala sfida kbira, jindirizza biżżejjed it-tnaqqis fit-tkabbir li jirriżulta minn inugwaljanzi dejjem akbar fost iċ-ċittadini Ewropej, kif ukoll il-ħtieġa li tissaħħaħ il-konverġenza soċjali 'l fuq? Jekk iva, tista' tispeċifika l-politiki u l-intestaturi li taħthom dawn huma inklużi fil-programm?
X'miżuri u politiki speċifiċi se tipproponi l-Kummissjoni fil-Programm ta' Ħidma li jmiss tagħha biex tippromwovi t-tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli billi tnaqqas l-inugwaljanza u ttejjeb il-konverġenza soċjali 'l fuq?