Id-deċiżjoni tal-Ġappun li terġa' tibda l-kaċċa għall-balieni fl-istaġun 2015-2016
4.4.2016
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000059/2016
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Renate Sommer, Renata Briano, Julie Girling, Frédérique Ries, Stefan Eck, Linnéa Engström, Marco Affronte, f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel
F'Novembru 2015, l-Aġenzija Ġappuniża tas-Sajd innotifikat lill-Kummissjoni Internazzjonali tal-Kaċċa għall-Balieni li kienet ser terġa' tibda l-kaċċa għall-balieni taħt pjan rivedut. Dan il-pjan ta' 12-il sena jippermetti l-qtil ta' 333 balenottera żgħar matul l-istaġun tal-2015-2016, u total ta' kważi 4 000 baliena matul il-perjodu kollu ta' 12-il sena. Billi terġa' tibda l-kaċċa għall-balieni, il-Ġappun qegħda manifestament tinjora d-deċiżjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ), li ordnat, fis-sentenza tagħha tal-31 ta' Marzu 2014, il-waqfien tal-qatla annwali tal-Ġappun tal-balieni fl-Oċean tan-Nofsinhar. Il-QIĠ ikkonkludiet li l-kaċċa mhijiex kif isostni l-Ġappun, jiġifieri li hija imwettqa għar-riċerka xjentifika.
Il-kaċċa hija b'hekk bi ksur tad-dritt internazzjonali u d-dgħajjef il-protezzjoni tal-bijodiversità u tal-ekosistemi tal-baħar. Barra minn hekk, ir-riċerka xjentifika ma teħtieġx aktar il-qtil tal-balieni. F'dan il-kuntest, nilqgħu risposti mingħand il-Kummissjoni għall-mistoqsijiet li ġejjin:
– Minbarra id-"démarche" li d-delegazzjoni tal-UE f'Tokjo se tiffirma, il-Kummissjoni se tikkundanna f'sens iktar strett, id-deċiżjoni tal-Ġappun li terġa' tibda l-kaċċa għall-balieni u li tikkaċċja u toqtol 333 balenottera żgħar fl-istaġun 2015-2016?
– Il-Kummissjoni qed tikkunsidra mezzi oħra biex issir pressjoni fuq il-Ġappun permezz ta' kanali bilaterali jew multilaterali?
– Jekk id-"démarche" ma jkollhiex l-effett mixtieq, il-Kummissjoni ser tieħu azzjonijiet legali biex tiżgura li l-Ġappun jikkonforma mad-deċiżjoni tal-QIĠ, jew ir-reazzjoni tal-UE ser tkun limitata għad-"démarche"?