Mistoqsija Parlamentari - O-000063/2016Mistoqsija Parlamentari
O-000063/2016

Attakki fuq l-isptarijiet u l-iskejjel bħal ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000063/2016
lill-Kunsill
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Elena Valenciano, f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Linda McAvan, f'isem il-Kumitat għall-Iżvilupp

Proċedura : 2016/2662(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-000063/2016
Testi mressqa :
O-000063/2016 (B8-0361/2016)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Aktar konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali (IHL) hi prerekwiżit indispensabbli biex titjieb is-sitwazzjoni tal-vittmi tal-kunflitti armati. Il-parti l-kbira tal-vittmi tal-kunflitti armati tal-lum, fosthom dawk tas-Sirja, l-Iraq, il-Jemen u l-Afganistan, huma ċivili innoċenti. Attakki brutali fuq faċilitajiet ċivili bħall-isptarijiet u l-iskejjel juru negliġenza qawwija fir-rigward tal-aktar prinċipji bażiċi tad-dritt umanitarju. Il-Parlament talab lill-UE biex tippromwovi l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali b’mod aktar effettiv permezz tad-djalogu u, fil-każ li dan id-djalogu ma jipproduċi l-ebda riżultat, biex tqis miżuri oħra skont il-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar il-promozzjoni ta' konformità mal-Liġi Umanitarja Internazzjonali, adottati f’forma aġġornata mill-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE fit-8 ta’ Diċembru 2009.

Meta tadotta l-Linji Gwida rilevanti, il-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE tenna l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-impunità fir-rigward ta’ ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem. Filwaqt li l-Kunsill jinnota li r-responsabbiltà primarja għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ dan il-ksur hija tal-partijiet involuti fil-kunflitt armat, il-Kunsill enfasizza l-importanza li l-effetti ta’ ksur serju jiġu ttrattati b’mod effettiv permezz ta’ appoġġ lill-mekkaniżmi xierqa ta' responsabilità, u enfasizza r-rwol importanti li jista’ jkollha l-Qorti Kriminali Internazzjonali f’każijiet fejn l-Istat jew Stati kkonċernati ma jkunux jistgħu jew ma jkunux jixtiequ jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni tagħhom.

Meta jitqies dan il-kuntest, jista’ l-Kunsill iwieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin:

1. Il-"Linji Gwida aġġornati tal-Unjoni Ewropea dwar il-promozzjoni ta' konformità mal-Liġi Umanitarja Internazzjonali" jimpenjaw lill-gruppi ta’ ħidma xierqa tal-Kunsill li jimmonitorjaw sitwazzjonijiet fejn jista' jkun li tapplika l-liġi umanitarja internazzjonali, u f’tali każijiet, li jirrakkomandaw azzjoni biex tkun promossa l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali (paragrafu 15a). Il-korpi rilevanti tal-Kunsill kif implimentaw id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq fir-rigward tal-konflitt fis-Sirja u fil-Jemen u ta' kunflitti armati oħra reċenti jew kurrenti?

2. Meta wieħed iqis it-tendenza tal-waħx ta’ attakki fuq skejjel u sptarijiet, li qed jolqtu lil ħafna ħaddiema tal-għajnuna umanitarja u persuni ċivili, x'għamlet l-UE u l-Istati Membri tagħha biex tagħmel il-komunità internazzjonali konxja mid-daqs reali ta’ din l-emerġenza? L-UE kif użat l-influwenza politika tagħha biex tipprevjeni atti bħal dawn u biex tiżgura l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi investigattivi eżistenti jew inkella l-ħolqien ta' mekkaniżmi ġodda sabiex tiżgura investigazzjonijiet indipendenti ta’ dawn l-attakki u l-obbligu ta’ rendikont għad-delitti mwettqa?