Mistoqsija għal tweġiba orali O-000082/2016 lill-Kummissjoni Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura Bernd Lange, Marietje Schaake, f'isem il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Suġġett: Sanzjonijiet tal-UE li jħallu impatt fuq in-negozju tal-UE fl-Iran
F'Ottubru 2015, l-E3+3 u l-Iran adottaw il-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK), inkluż impenn li l-programm nukleari Iranjan ikun purament paċifiku, u biex jitpatta għal dan, is-sanzjonijiet jitneħħew. Minn dakinhar, għadd ta' gvernijiet Ewropej u l-Kummissjoni marru fuq missjonijiet fl-Iran. Madankollu, anki jekk il-parti l-kbira tas-sanzjonijiet Ewropej li jimpedixxu l-kummerċ mal-Iran tneħħew, kumpaniji Ewropej għad qed isibuha diffiċli li jaċċedu għas-suq Iranjan. Dan hu dovut għall-impatt ekstraterritorjali tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti. Għandu jiġi enfasizzat li l-Istati Uniti wkoll huma firmatarji tal-PAKK u impenjaw ruħhom li jneħħu s-sanzjonijiet sekondarji kollha marbutin mal-programm nukleari Iranjan. Billi bosta kumpaniji Ewropej għandhom ukoll attivitajiet ta' negozju fl-Istati Uniti, il-ksur ta' sanzjonijiet Amerikani jista' jissarraf f'multi jew fi tkeċċija min-negozju fl-Istati Uniti. F'dan ir-rigward, sanzjonijiet finanzjarji Amerikani huma partikolarment problematiċi. Fattur ulterjuri huwa l-fatt li biex kumpanija Ewropea tikseb eżenzjoni mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti, dan jinvolvi proċeduri estremament diffiċli u kumplessi, ta' spiss aktar diffiċli minn dawk għal kumpaniji Amerikani. Is-sanzjonijiet tal-Istati Uniti jillimitaw l-ispazju għall-politika tal-UE.
1. Il-Kummissjoni tista' tipprovdi valutazzjoni tal-qagħda attwali u tindika liema miżuri ttieħdu biex jiġu implimentati l-impenji dwar it-tneħħija tas-sanzjonijiet magħmula fil-PAKK?
2. X'għamlet il-Kummissjoni biex tindirizza l-impatt ekstraterritorjali tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti mal-uffiċjali Amerikani, u x'kienet ir-risposta?
3. Il-Kummissjoni tqis li hemm mod kif ikun żgurat li l-kumpaniji tal-UE jkunu jistgħu jagħmlu negozju skont il-politiki tal-UE, mingħajr il-biża' la li jiksru s-sanzjonijiet Amerikani u lanqas li jkunu soġġetti għal multi possibbli?