Mistoqsija Parlamentari - O-000083/2016Mistoqsija Parlamentari
O-000083/2016

Il-liġi tal-Ġermanja dwar il-paga minima u l-proċedura ta' ksur

25.5.2016

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000083/2016
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Roberts Zīle, Richard Sulík, Tomasz Piotr Poręba, Peter van Dalen, Kosma Złotowski, Jacqueline Foster, Evžen Tošenovský, Zbigniew Kuźmiuk, Hans-Olaf Henkel, Bernd Lucke, f'isem il-Grupp ECR

Skont l-Att Ġermaniż dwar il-paga minima (l-hekk imsejjaħ ‘MiLoG'), mill-1 ta' Jannar 2015 ir-rata minima fis-siegħa għal impjegat attiv fit-territorju tal-Ġermanja ma tistax tkun inqas minn EUR 8.50. Dan japplika wkoll għal impjegati fis-settur tat-trasport ta' impjegaturi bbażati barra mill-Ġermanja, pereżempju t-trasportaturi li huma impjegati minn impjegatur mhux residenti u li jittranżitaw mit-territorju Ġermaniż, jew fil-każ ta' operazzjonijiet ta' trasport transfruntiera u ta' kabotaġġ. Barra minn hekk, obbligi ta' reġistrazzjoni, kontroll u rappurtar eċċessivi ġew introdotti li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ, u jimponu spejjeż żejda u piż amministrattiv sproporzjonat u ma jippermettux li intrapriżi tat-trasport minn Stati Membri oħra joperaw fis-suq intern tal-UE.

Il-Kummissjoni tat bidu għal proċedura ta' ksur kontra l-Ġermanja f'Mejju 2015. Madankollu, sena wara t-tnedija ta' din il-proċedura, ma hemmx iktar ċarezza u l-ebda riżultati tanġibbli ma ġew meqjusa.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi reċentement ippubblikaw gwida għall-applikazzjoni tal-hekk imsejħa “Loi Macron”, li tgħid li mill-1 ta' Lulju 2016 sewwieqa bbażati barra jridu jirċievu l-paga minima Franċiża u operaturi barranin għandhom jaħtru rappreżentant fi Franza.

1. X'inhi s-sitwazzjoni attwali fir-rigward ta' din il-proċedura ta' ksur? X'inhuma l-passi li jmiss u azzjonijiet oħra ppjanati mill-Kummissjoni, u liema perjodu ta' żmien huwa previst għal dawn l-istadji li jmiss?

2. Il-Kummissjoni rċeviet ir-risposti meħtieġa mill-gvern Ġermaniż li jiċċaraw u jiġġustifikaw l-Att tal-Ġermanja dwar il-Paga Minima?

3. Meta u kif beħsiebha l-Kummissoni tallinja din is-sitwazzjoni mad-dritt Ewropew u ttemm l-inċertezza legali attwali, u b'hekk issegwi l-għan li żżomm il-libertajiet ekonomiċi fl-UE, inklużi dawk li jippermettu lill-kumpaniji u l-ħaddiema Ewropej li joperaw liberament fi ħdan is-suq uniku tal-UE?