Is-Servizz Volontarju Ewropew
13.7.2016
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000107/2016
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Silvia Costa, f'isem il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Fl-2016, is-Servizz Volontarju Ewropew (SVE) iċċelebra l-20 anniversarju tiegħu. 100 000 voluntier kienu appoġġati f'20 sena. Il-Parlament, u l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (CULT) b'mod partikolari, jappoġġa l-volontarjat bħala espressjoni ta' solidarjetà li tikkontribwixxi għat-tisħiħ taċ-ċittadinanza attiva u tagħmel tajjeb għall-esklużjoni soċjali, il-faqar, l-intolleranza, ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-inġustizzja, filwaqt li tagħti kontribut importanti għad-disseminazzjoni tal-valuri Ewropej. Il-benefiċċji tiegħu huma rikonoxxuti wkoll fix-xogħol tal-volontarjat imwettaq ma' pajjiżi terzi bħala għodda strateġika li trawwem ftehim reċiproku u relazzjonijiet interkulturali.
Il-volontarjat jipprovdi l-parteċipanti b'ħiliet sodi ta' tagħlim tul il-ħajja. Għalhekk hemm bżonn li jitrawmu sistemi biex jiżdiedu l-ftehim u t-trasparenza ta' ħiliet ta' tagħlim informali u mhux formali akkwistati matul l-esperjenza tal-volontarjat.
Minkejja feedback pożittiv, il-Kumitat CULT iħoss li hemm iktar x'jista' jsir biex jitjieb il-qafas tal-programmi tal-volontarjat, u b'mod partikolari tas-SVE, sabiex jiġi żgurat aċċess aħjar għall-inizjattivi u l-opportunitajiet disponibbli u għarfien dwar dawn tal-aħħar.
F'dan l-isfond, il-Kummissjoni mitluba twieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin:
– Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tipproċedi bit-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni, il-parteċipanti, l-oqsma ta' ħidma u d-destinazzjonijiet tas-SVE, u li tagħti lok li parti minn SVE jew SVE sħiħ jista' jsir online, biex b'hekk jiġu sfruttati teknoloġiji ġodda? Jekk iva, kif?
– X'inizjattivi qed tippjana li tniedi jew tiżviluppa l-Kummissjoni bl-għan li tinkoraġġixxi l-volontarjat għal nies ta' kull età, inkluż, iżda mhux limitat għal, mobilità tal-voluntieri bejn il-fruntieri, b'mod partikolari fil-kuntest tal-kriżi umanitarja?
– Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tipproċedi bir-rikonoxximent formali ta' status ta' Voluntier Ewropew?
– Il-Kummissjoni lesta li tkompli tistinka għal appoġġ aħjar għal aċċess ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jixtiequ jwettqu xogħol ta' volontarjat fl-Ewropa?
– X'azzjoni se tieħu l-Kummissjoni biex tiġbor iktar data dwar il-valur tal-attivitajiet volontarji u biex tivvalorizza l-kontribut tagħhom għall-koeżjoni soċjali u għall-PDG, biex b'hekk tipprovdi evidenza għall-iżvilupp ta' inizjattivi u programmi futuri, kif ukoll tirrikonoxxi l-volontarjat bħala kofinanzjament?
– Il-Kummissjoni tipprevedi wkoll it-trawwim ta' ċittadinanza tal-UE permezz ta' inizjattiva ta' Servizz Ċiviku Ewropew?