L-aċċess għall-enerġija fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp
9.11.2016
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000134/2016
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Linda McAvan, f'isem il-Kumitat għall-Iżvilupp
L-aċċess sostenibbli għall-enerġija affordabbli hu ta' importanza kbira biex jiġu sssodisfati l-esiġenzi bażiċi tal-bniedem u virtwalment kull tip ta' attività ekonomika. Il-mod li bih tiġi prodotta u użata l-enerġija jista' jinfluwenza ħafna l-progress fl-iżvilupp. L-iżgurar tal-aċċess għal enerġija affordabbli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd huwa l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 7.
L-inizjattiva tal-UE dwar "Enerġija biex tingħata spinta lill-iżvilupp" destinata biex ikun hemm aċċess għal enerġija sostenibbli għal 500 miljun persuna addizzjonali sal-2030 kif ukoll l-allokazzjoni ta' EUR 3.5 biljun għall-assistenza fl-iżvilupp fil-qasam tal-enerġija fil-perjodu 2014–2020 jippermettu lill-UE tagħti kontribut ewlieni biex jintlaħaq l-SDG 7 Bi qbil mal-SDG 7 u ma' kunsens wiesa' dwar liema approċċ, b'mod ġenerali, jagħti l-aħjar kontributuzzjonijiet għal progress fl-iżvilupp, ir-regolament li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (DCI) jenfasizza l-enerġija rinnovabbli u soluzzjonijiet lokali għall-enerġija. L-enerġija hija settur fokali fi 30 programm li jimplimentaw id-DCI u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), li nofshom huma għal pajjiżi fl-Afrika sub-Saħarjana.
Il-Parlament, fl-iskrutinju tal-programmazzjoni tad-DCI u l-FEŻ, b'mod ġenerali appoġġa objettivi dettaljati u enfasizza l-importanza ta' approċċ orjentat lejn ir-riżultati li jagħti attenzjoni fuq it-twassil tas-servizzi tal-enerġija lill-fqar. F'uħud mill-programmi tal-FEŻ li jinkludu s-settur fokali tal-enerġija, l-enfasi fuq persuni fqar, madankollu, tista' tkun aktar iċċarata. Fir-rigward tal-adozzjoni ta' Programm Indikattiv Nazzjonali għall-Eritrea, li jagħti attenzjoni fuq l-enerġija imma hu primarjament immexxi mill-politika dwar il-migrazzjoni, il-Parlament ma jemminx li hu realistiku, kostruttiv u mixtieq, u jinnota li l-fażi ta' implimentazzjoni għadha ma tnedietx.
Il-Kummmissjoni tista' tiddeskrivi fil-qosor l-istat tal-progress u l-isfidi ewlenin li kien hemm fl-implimentazzjoni tal-assistenza fl-iżvilupp programmata fil-qasam tal-enerġija, u l-prospetti għal implimentazzjoni kontinwa tagħha? Liema proporzjon tal-fondi impenjati se jmur għal proġetti lokali tal-enerġija rinnovabbli? Kemm irnexxilha l-UE llum tasal qrib il-mira ta' "aċċess għal 500 miljun persuna"?
Tista' l-Kummissjoni tagħti wkoll il-valutazzjoni tagħha dwar il-kundizzjonijiet globali biex jintlaħaq l-SDG 7 u tiddikkjara liema sforzi ġodda jew imsaħħa huma issa l-iktar importanti, u minn min?