Finalizzazzjoni ta' Basel III
10.11.2016
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000136/2016
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Roberto Gualtieri, f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Il-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) ressaq proposti għall-irfinar tal-qafas prudenzjali għall-banek li jindirizzaw ir-riskju ta' kreditu u r-riskju operazzjonali (finalizzazzjoni ta' Basel III, l-hekk imsejjaħ "Basel IV"). L-għan tal-proposti huwa li jissaħħu s-sensittività għar-riskju u r-robustezza ta' approċċi standardizzati, li jitqiesu restrizzjonijiet addizzjonali għar-rwol ta' approċċi mfassla internament fil-qafas tal-kapital, u li jiġu finalizzati d-disinn u l-kalibrazzjoni tal-proporzjon ta' ingranaġġ u ammont minimu ta' kapital potenzjali bbażat fuq approċċi standardizzati.
1. X'inhi l-fehma tal-Kummissjoni dwar l-impatt possibbli tal-pakkett ta' riforma propost fuq is-settur bankarju Ewropew, b'mod partikolari rigward l-istabbiltà finanzjarja, paragunabbiltà akbar ta' assi mwieżna għar-riskju, rekwiżiti kapitali ġenerali, u l-kapaċità ta' self tas-settur bankarju lill-ekonomija reali?
2. Il-Kummissjoni tal-fehma li l-proposti qed iqisu biżżejjed l-ispeċifiċitajiet tas-settur bankarju Ewropew? Il-miżuri proposti huma bbilanċjati biżżejjed biex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi f'reġjuni differenti tad-dinja? Il-Kummissjoni kif biħsiebha tikkalibra l-istandards finali ta' Basel, b'kont meħud tal-mudelli kummerċjali u d-daqsijiet differenti tal-banek Ewropej?
3. Il-Kummissjoni kif biħsiebha tikkontribwixxi għall-istandards finali ta' Basel, b'mod partikolari jekk valutazzjoni tal-impatt kwantitattiva u kwalitattiva twassal għall-konklużjoni li dawn jirriżultaw f'żieda ġenerali sinifikanti tar-rekwiżiti kapitali għas-settur bankarju Ewropew?