Mistoqsija Parlamentari - O-000140/2016Mistoqsija Parlamentari
O-000140/2016

Is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000140/2016
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Lambert van Nistelrooij, Antonio Tajani, Elisabetta Gardini, Salvatore Cicu, f'isem il-Grupp PPE
Constanze Krehl, Mercedes Bresso, f'isem il-Grupp S&D
Davor Škrlec, f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ramón Luis Valcárcel Siso

Proċedura : 2016/2988(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-000140/2016
Testi mressqa :
O-000140/2016 (B8-1813/2016)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Fl-24 ta' Awwissu 2016 l-Italja Ċentrali ntlaqtet minn terremot devastanti, filwaqt li fis-26 u t-30 ta' Ottubru r-reġjuni tal-Italja Ċentrali ntlaqtu minn tliet terremoti kbar oħra, fost sensiela ta' theżżiżiet, b'qawwa ta' 5.5, 6.1 u 6.5 rispettivament. Fit-terremoti tilfu ħajjithom 290 persuna, u aktar minn 400 ġew rappurtati midruba, filwaqt li l-possibbiltà ta' "effett domino" tista' twassal biex 100 000 persuna jisfaw spostati.

It-territorji kkonċernati jbatu minn deformazzjoni li testendi fuq żona ta' madwar 130 kilometru kwadru, bi spostament massimu ta' mill-inqas 70 ċentimetru. Minħabba f'hekk, it-terremoti qerdu bliet sħaħ, għamlu ħafna ħsara fl-infrastruttura lokali u reġjonali, qerdu oġġetti ta' wirt storiku u kulturali, u kkompromettew l-attività ekonomika, speċjalment l-SMEs, l-agrikoltura u r-riżorsi turistiċi u gastronomiċi.

Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet klimatiċi ħorox li huma mistennija fl-istaġun tax-xitwa huma ta' tħassib kbir għall-ħafna persuni spostati. Din il-problema trid tiġi indirizzata malajr u b'mod effikaċi sabiex il-persuni mċaħħda minn djarhom tingħatalhom garanzija ta' kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti.

Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni hija mitluba twieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin:

– Irċeviet xi applikazzjoni mingħand il-Gvern Taljan għal appoġġ mill-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, u ħadet il-miżuri kollha meħtieġa biex tivvaluta u timmobilizza minnufih dan l-appoġġ sabiex tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali Taljani involuti fl-isforzi ta' sokkors wara d-diżastru?

– Beħsiebha tikkunsidra talbiet għal modifiki fil-programmi operattivi nazzjonali u reġjonali Taljani sabiex jiġu indirizzati aħjar il-kwistjonijiet tal-Objettiv Tematiku 5 ("promozzjoni tal-adattament għat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji"), jekk l-Italja tiġġustifika kif xieraq dawn it-talbiet skont l-Artikolu 30 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni?

– Beħsiebha tezamina l-proċeduri eżistenti għall-analiżi tal-applikazzjonijiet għall-fondi bil-għan li l-proċeduri jiġu ssimplifikati u biex iż-żmien meħtieġ għall-approvazzjoni u l-ħlas ta' għajnuna finanzjarja mill-Fond ta' Solidarjetà jitqassar?

– Beħsiebha tanalizza l-fattibbiltà li jinħoloq mekkaniżmu ta' self fil-qafas tal-BEI li bl-iskop li tingħata s-somma maħsuba għal Stat Membru qabel ma l-ammont jitħallas mill-Fond ta' Solidarjetà?