L-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa
17.11.2016
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000143/2016
lill-Kunsill
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Arne Gericke, Julie Girling, Helga Stevens, f'isem il-Grupp ECR
Lejlet il-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, il-Parlament Ewropew jinnota li ftit li xejn sar progress fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza bbażata fuq is-sessi.
Il-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza bbażata fuq is-sessi tirrappreżenta ksur tad-drittijiet fundamentali u forma estrema ta' diskriminazzjoni, li hija kemm il-kawża kif ukoll il-konsegwenza tal-inugwaljanzi bejn is-sessi.
Fl-4 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni pproponiet l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul, l-ewwel strument legalment vinkolanti dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa fil-livell internazzjonali. L-Istati Membri kollha tal-UE ffirmawha, iżda erbatax minnhom biss irratifikawha.
– X'passi konkreti ħadu l-Istati Membri fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom biex jipproteġu lin-nisa mill-vjolenza?
– Il-Presidenza kif tappoġġa lill-Istati Membri biex iqajmu kuxjenza dwar il-konsegwenzi devastanti tal-vjolenza fuq in-nisa?
– Tista' l-Presidenza tispjega kif l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni se toffri protezzjoni lin-nisa mill-vjolenza?