Mistoqsija Parlamentari - O-000146/2016Mistoqsija Parlamentari
O-000146/2016

Is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000146/2016
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Curzio Maltese, Eleonora Forenza, Barbara Spinelli, f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2016/2988(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-000146/2016
Testi mressqa :
O-000146/2016 (B8-1817/2016)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Fl-24 ta' Awwissu 2016 terremot devastanti laqat l-Italja ċentrali. Ir-reġjuni tal-Italja ċentrali ntlaqtu mbagħad minn tliet terremoti kbar oħra, kif ukoll sensiela ta' theżżiżiet, rispettivament fis-26 ta' Ottubru b'qawwa ta' 5.5 u 6.1 u fit-30 ta' Ottrubru b'qawwa ta' 6.5. Fit-terremoti tilfu ħajjithom 290 persuna, u aktar minn 400 ndarbu, filwaqt li l-possibbiltà ta' "effett domino", li jirriżulta mill-ħsarat akkumulati kkawżati minn diżastri naturali oħrajn, tista' twassal biex 100 000 resident jisfaw spostati.

Ir-Regolament (UE) Nru 661/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 stabbilixxa l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea ("il-Fond"), meta diżastri naturali ripetuti ta' diversi tipi laqtu l-Ewropa kull sena, uħud minnhom f'inqas minn sena, bil-każijiet reċenti fl-Italja u fi Stati Membri oħra bħall-Portugall, il-Greċja u Ċipru.

Il-Kummissjoni ħadet il-provvedimenti kollha neċessarji biex tagħti sostenn u tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali Taljani involuti fl-isforzi ta' sokkors b'segwitu tad-diżastru, anki permezz tas-semplifikazzjoni tal-proċeduri u t-taqsir taż-żmien meħtieġ għall-approvazzjoni u għall-iżborżament tal-flus mill-Fond tar-Regolament (UE) Nru 661/2014?

Billi r-Regolament (UE) Nru 661/2014 jipprevedi li reġjun jista' jibbenefika mill-Fond meta diżastru naturali jirriżulta fi ħsara diretta li taqbeż 1.5% tal-PDG tar-reġjun li ntlaqat, tista' l-Kummissjoni tikkonferma li l-limitu minimu b'riferiment għall-PDG huwa kkalkolat fuq bażi annwali mid-data tal-Eurostat fornuta mill-Istati Membri?

Tista' l-Kummissjoni tipprevedi deroga mir-Regolament eżistenti, attwalment ibbażat fuq l-effetti ta' ħsara kkawżata minn fenomenu katastrofiku wieħed, u tikkunsidra li testendi dan il-kalkolu għal komputazzjoni kumulattiva ta' ħsara li taqbeż il-limitu minimu tal-PDG imsemmi qabel bħala konsegwenza ta' diversi diżastri naturali li jseħħu fl-istess reġjun, fid-dawl tal-frekwenza għolja ta' tali fenomeni fl-istess reġjuni?

Tista' l-Kummissjoni tiċċara l-bażi li fuqha tivvaluta l-effikaċja tal-implimentazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà fl-Istati Membri milquta, kif ukoll tikkunsidra tip speċifiku ta' valutazzjoni għall-każijiet ta' diżastri naturali ripetuti?