Pestiċidi bijoloġiċi b'riskju baxx
29.11.2016
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000147/2016
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Herbert Dorfmann, Pavel Poc, Julie Girling, Frédérique Ries, Lynn Boylan, Bart Staes, Eleonora Evi, Mireille D'Ornano, f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel
L-użu ta' prodotti konvenzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti huwa dejjem aktar kontroversjali, minħabba r-riskji li għandhom għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Il-pestiċidi bijoloġiċi b'riskju baxx jistgħu jikkostitwixxu alternattiva vijabbli għall-prodotti konvenzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti, kemm għall-bdiewa konvenzjonali kif ukoll għal dawk organiċi, u jikkontribwixxu għal agrikoltura aktar sostenibbli.
L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2009/128/KE[1] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi jiddisponi li l-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b'riskju baxx għandu jingħata prijorità f'żoni speċifiċi, bħal żoni użati mill-pubbliku ġenerali u żoni protetti. Sadanittant, ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE[2] jipprevedi ċerti inċentivi għal sustanzi attivi b'riskju baxx u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b'riskju baxx.
Madankollu, seba' sustanzi attivi biss – li sitta minnhom huma sustanzi attivi bijoloġiċi – ikklassifikati bħala "b'riskju baxx" huma attwalment approvati fl-UE. Barra minn hekk, il-pestiċidi bijoloġiċi b'riskju baxx spiss jiġu rrifjutati awtorizzazzjoni minħabba l-effikaċja aktar baxxa tagħhom.
X'miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi qed tieħu attwalment il-Kummissjoni sabiex tiżdied id-disponibilità ta' pestiċidi bijoloġiċi b'riskju baxx? X'miżuri biħsiebha tieħu fil-futur? X'inhi l-iskeda ta' żmien għal dawn il-miżuri?