Jum Internazzjonali tar-Rom
8.3.2017
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000017/2017
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Roberta Metsola, Pál Csáky, f'isem il-Grupp PPE
Birgit Sippel, Soraya Post, Tanja Fajon, Sylvie Guillaume, Claude Moraes, Monika Flašíková Beňová, Ana Gomes, Cécile Kashetu Kyenge, Dietmar Köster, Marju Lauristin, Juan Fernando López Aguilar, Péter Niedermüller, Christine Revault D'Allonnes Bonnefoy, Elly Schlein, f'isem il-Grupp S&D
Cecilia Wikström, Nathalie Griesbeck, f'isem il-Grupp ALDE
Benedek Jávor, Bodil Valero, Ulrike Lunacek, Barbara Lochbihler, Terry Reintke, Davor Škrlec, Bronis Ropė, Igor Šoltes, Eva Joly, Karima Delli, Ernest Urtasun, Rebecca Harms, f'isem il-Grupp Verts/ALE
Cornelia Ernst, Malin Björk, Barbara Spinelli, Martina Anderson, Marina Albiol Guzmán, Merja Kyllönen, Dimitrios Papadimoulis, Eleonora Forenza, f'isem il-Grupp GUE/NGL
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2015 fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tar-Rom – l-anti-Żingariżmu fl-Ewropa u r-rikonoxximent, min-naħa tal-UE, tal-jum ta' tifkira tal-ġenoċidju tar-Rom matul it-Tieni Gwerra Dinjija – il-Parlament ħa pożizzjoni qawwija kontra l-anti-Żingariżmu billi esprima t-tħassib kbir tiegħu dwar iż-żieda fl-anti-Żingariżmu fl-Ewropa u enfasizza l-ħtieġa li jiġi miġġieled l-anti-Żingariżmu f'kull livell u b'kull mezz. Il-Parlament iddikjara li r-rikonoxximent tal-Olokawst tar-Rom matul it-Tieni Gwerra Dinjija u l-istabbiliment ta' jum Ewropew ta' tifkira jikkostitwixxu pass simboliku importanti fil-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu u jikkontribwixxu għall-għarfien ġenerali tal-istorja fl-Ewropa, u jistieden lill-Istati Membri jsegwu dan l-eżempju.
1. Il-Kummissjoni kif se tiżgura li l-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu qed tiġi integrata fil-politiki kollha tal-UE marbuta mal-inklużjoni tar-Rom? Il-Kummissjoni kif se tissorvelja u tivvaluta l-konformità tal-politiki tal-UE u l-politiki nazzjonali ma' valuri fundamentali tal-UE b'attenzjoni speċifika fuq id-drittijiet tal-minoranzi u n-nondiskriminazzjoni?
2. Tista' l-Kummissjoni tirraporta dwar il-progress li sar s'issa u tipprovdi rakkomandazzjonijiet ulterjuri biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-komunikazzjoni tagħha dwar Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020 (COM(2011)0173)? Minn meta ġiet adottata r-riżoluzzjoni tal-Parlament, x'passi ttieħdu biex itejbu l-integrazzjoni tar-Rom u jiġġieldu b'mod effettiv kontra l-anti-Żingariżmu, inkluż anti-Żingariżmu istituzzjonalizzat?
3. X'passi ulterjuri ttieħdu fil-Kummissjoni biex jippromwovu l-istabbiliment ta' Jum Ewropew ta' Tifkira tal-Olokawst tar-Rom?