Korp Ewropew ta' Solidarjetà
23.3.2017
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000022/2017
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Thomas Händel, f'isem il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Fis-7 ta' Diċembru 2016 il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar "Korp Ewropew ta' Solidarjetà" (COM(2016)0942) Din segwiet id-dikjarazzjoni tal-President Juncker matul id-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fl-14 ta' Settembru 2016 li: "Permezz tas-sħubija volontarja mal-Korp Ewropew għas-Solidarjetà (ESC), dawn iż-żgħażagħ se jkunu jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u mhux biss jiksbu xogħol iżda wkoll esperjenza umana imprezzabbli."
F'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tindika li "Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà se jgħaqqad żewġ komponenti komplementari: il-volontarjat u l-okkupazzjoni". Il-komponent okkupazzjonali jittratta suġġetti li jidħlu direttament fil-qasam ta' kompetenza tal-Kumitat EMPL. Il-Kumitat EMPL għalhekk jixtieq isaqsi lill-Kummissjoni:
1. Kif biħsiebha tiddifferenzja bejn il-volontarjat, li jista' jipprovdi esperjenza siewja ħafna, imma mhux imħallsa, u traineeships jew apprendistati, li għandhom jitħallsu? Kif biħsiebha tiżgura li l-volontarjat ma jiġix użat ħażin sabiex jieħu post forom ta’ impjieg regolari bi ħlas?
2. Kif se tiggarantixxi li l-inizjattiva tilħaq liż-żgħażagħ kollha, b’mod partikolari dawk f’sitwazzjonijiet aktar vulnerabbli?
3. Kif se tiggarantixxi li t-traineeships u l-apprendistati offruti taħt din l-iskema jkunu ta’ kwalità? Kif se jkunu rikonoxxuti l-ħiliet formali u informali?
4. Rigward inizjattivi eżistenti, bħal Erasmus+ u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ, kif se tiddependi fuqhom, tirrinforzahom u tikkumplimentahom, u mhux tissostitwihom? Liema parti tal-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali, l-IMIF u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, u x’finanzjament addizzjonali, qed tipprevedi li talloka għall-ESC, peress li l-fondi eżistenti diġà huma meħtieġa ħafna minħabba s-sitwazzjoni soċjali u tal-impjiegi fl-Ewropa? Hija qed tikkunsidra r-rikors għal fondi u programmi oħrajn, bħal pereżempju l-Fond Soċjali Ewropew?
5. Kif biħsiebha tevita d-duplikazzjoni jew is-sostituzzjoni ta’ programmi u għodod eżistenti bħal Erasmus+, is-Servizz Volontarju Ewropew u l-Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ?