Iż-żieda fid-dazji imposti fin-Norveġja fuq prodotti agrikoli/in-negozjati riċenti dwar il-protokoll dwar il-kummerċ tal-ħut (2016/0052(NLE))
24.3.2017
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000023/2017
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Bernd Lange, f'isem il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
B'segwitu għall-impożizzjoni fin-Norveġja ta' dazji ad valorem ta' 277 %, 429 % u 344 % għal ċerti ġobnijiet, għall-laħam tal-ħaruf u għaċ-ċanga fl-2013, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar iż-żieda fid-dazji imposti fin-Norveġja fuq prodotti agrikoli, il-Parlament[1] ikkunsidra li dawn iż-żidiet kienu jmorru kontra l-ispirtu u l-kelma tal-ftehim bilaterali man-Norveġja u stieden lill-Kummissjoni "sabiex taħdem għal soluzzjoni sodisfaċenti b'mod reċiproku għall-importazzjoni/esportazzjoni ta' prodotti agrikoli". Barra minn hekk, il-Parlament talab lill-Kummissjoni biex tispeċifika l-miżuri li biħsiebha tieħu fil-każ li n-Norveġja tirrifjuta li treġġa' lura d-deċiżjoni tagħha u li tqis il-possibilità li tipproponi aktar azzjoni fil-każ ta' nuqqas ta' kooperazzjoni, bl-għan li jitneħħew il-miżuri. In-Norveġja ma reġġgħetx lura d-deċiżjoni tagħha.
1. X'azzjoni ħadu l-Kummissjoni u s-SEAE sabiex isibu soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti?
2. Fid-dawl ta' negozjati oħra konklużi riċentement man-Norveġja, bħall-protokoll dwar il-kummerċ tal-ħut (2016/0052(NLE)), liema rekwiżiti u miżuri preċiżi ħadu l-Kummissjoni u s-SEAE biex jindirizzaw id-dazji ad valorem imposti fin-Norveġja?
3. Il-Kummissjoni u s-SEAE huma konvinti li l-eżitu tan-negozjati separati huwa sodisfaċenti?
- [1] ĠU C 75, 26.2.2016, p. 118