Is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà fil-Bangladesh
4.5.2017
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000037/2017
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Bernd Lange, Sajjad Karim, f'isem il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Fl-2013 il-Kummissjoni, flimkien mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u ma' sħab kummerċjali ewlenin waqqfet Patt dwar is-Sostenibbiltà biex jitjiebu s-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol u jissaħħu d-drittijiet tax-xogħol fis-settur tal-ilbies lest fil-Bangladesh. Il-Patt huwa appoġġat mill-Ftehim dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini, li jlaqqa' flimkien ditti tal-UE u l-industrija tal-ilbies lest tal-Bangladesh, u se jiġi segwit minn laqgħa oħra fit-18 ta' Mejju 2017. F'Novembru 2016, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali bagħat delegazzjoni fil-Bangladesh biex isegwi l-kwistjoni fuq il-post. Filwaqt li sar progress biex jitjiebu s-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, it-titjib fid-drittijiet tax-xogħol għadu jirrappreżenta sfida. Mindu saret iż-żjara tal-Kumitat INTA, ġew arrestati mexxejja tat-trade unions, il-liġi tax-xogħol għaż-Żoni tal-Proċess ta' Esportazzjoni (EPZ) għadha tikser l-istandards internazzjonali, u d-delitti kontra persuni fil-qasam tat-trade unions spiss ma jiġux ikkastigati. Minkejja l-progress li sar dwar is-sikurezza tal-bini u kontra n-nar, il-firmatarji tal-Ftehim huma mħassba dwar il-pass kajman biex jiġu rimedjati kompletament il-kwistjonijiet kritiċi ta' sikurezza. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) nedew djalogu msaħħaħ dwar id-drittijiet tax-xogħol u tal-bniedem biex titjieb il-konformità mal-prinċipji tal-konvenzjonijiet elenkati fir-regolament tal-SĠP, li l-Bangaldesh, bħala benefiċjarju ta' ''Kollox ħlief armi'', mistenni li jirrispetta. Fl-ittra tas-servizzi tal-Kummissjoni lill-Gvern tal-Bangladesh tas-16 ta' Marzu, il-Kummissjoni talbet progress suffiċjenti, sostanzjali u sinifikanti, flimkien ma' strateġija soda u marbuta biż-żmien sat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-erba' punti li ġejjin:
– li jitressqu emendi għall-Att dwar ix-Xogħol tal-2013;
– li jkun żgurat li l-liġi li tirregola l-EPZs tippermetti libertà sħiħa ta' assoċjazzjoni;
– li jiġu investigati bħala kwistjoni ta' urġenza l-atti kollha ta' diskriminazzjoni kontra l-unions;
– li jkun żgurat li l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta' union jiġu ttrattati malajr u li ma jiġux miċħuda ħlief jekk ma jkunux jissodisfaw kriterji ċari u oġġettivi stabbiliti mil-liġi.
1. X'jikkostitwixxi eżattament ''progress suffiċjenti, sostanzjali u sinifikanti'' u x'se tkun il-konsegwenza aħħarija jekk ma jintlaħaqx dan il-''progress''?
2. L-aħħar rapport dwar l-istatus tekniku jelenka għadd ta' sfidi li għad iridu jiġu indirizzati mill-Bangladesh. L-ILO indikat f'Ġunju 2016 li l-Bangladesh qed jikser serjament l-obbligi tiegħu skont il-Konvenzjoni 87 dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni tal-ILO. Xi progress sar f'dan ir-rigward minn dak iż-żmien 'l hawn?
3. X'inhuma l-passi li jmiss fil-proċess ta' dan id-djalogu msaħħaħ mal-Bangladesh? X'evidenza għandha l-Kummissjoni li turi li l-Bangladesh jista' jkun qed jikser serjament u sistematikament il-prinċipji stipulati fil-konvenzjonijiet elenkati fir-Regolament SĠP?
4. X'inhuma r-riżultati previsti tal-laqgħa li jmiss tas-sħab tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà f'Dhaka f'nofs Mejju?
5. X'inhu l-istat attwali tad-diskussjonijiet biex jittawwal il-Ftehim dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini li se jintemm f'Mejju 2018?