Mistoqsija Parlamentari - O-000056/2017Mistoqsija Parlamentari
O-000056/2017

L-ispazju li qed jinxtorob għas-soċjetà ċivili

15.6.2017

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000056/2017
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Judith Sargentini, Ulrike Lunacek, Josep-Maria Terricabras, Bodil Valero, Benedek Jávor, Molly Scott Cato, Yannick Jadot, José Bové, Pascal Durand, Davor Škrlec, Jordi Solé, Helga Trüpel, f'isem il-Grupp Verts/ALE

Soċjetà ċivili attiva u żviluppata sew hija prerekwiżit għal demokrazija sana. Hi parti essenzali tas-sistema ta' kontrolli u ta' ekwilibri interni. L-UE għandha l-għan li tkompli ssaħħaħ is-soċjetà ċivili kemm fl-UE, kif ukoll barra minnha. L-importanza tas-soċjetà ċivili ġiet enfasizzata minn artikolu speċifiku fit-Trattati dwar djalogu regolari bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u s-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, l-appoġġ għas-soċjetà ċivli u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem huwa prijorità tal-politika esterna tal-UE u hemm disponibbli mezzi sostanzjali biex jingħata appoġġ lis-soċjetà ċivili.

Madankollu, fl-UE, l-ispazju għas-soċjetà ċivili qed jitnaqqar, peress li l-gvernijiet qed jagħmluha diffiċli għall-organizzazzjonijiet nongovernattivi – partikolarmant dawk li jieħdu pożizzjoni kritika lejn il-gvern – li joperaw f'pajjiżhom. Miżuri bħal qtugħ fil-baġit, leġiżlazzjoni li timmira organizzazzjonijiet b'finanzjament barrani, regoli aktar stretti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet nongovernattivi u restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' assemblea u l-libertà ta' espressjoni wasslu biex jinxtorob l-ispazju għas-soċjetà ċivili f'uħud mill-Istati Membri. Dan jimmina d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-UE kollha kemm hi. Minħabba li l-Istati Membri huma kostitwenti ewlenin tal-istrutturi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, hu essenzjali li dawn jikkonformaw b'mod sħiħ mal-istandards tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali sabiex l-UE tkun konformi kollha kemm hi.

Il-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni, il-libertà ta' assemblea u ta' assoċjazzjoni, kif stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, qed ikunu taħt pressjoni qawwija f'xi partijiet tal-Unjoni Ewropea.

1. Il-Kummissjoni hija konxja tal-ispazju li qed jinxtorob għas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri?

2. Hija taqbel mal-fatt li dan jaffettwa d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi?

3. Taqbel mal-fatt li l-koerenza u l-konsistenza ta' politiki interni u esterni f'dan il-qasam huma elementi essenzjali għall-kredibilità tal-Unjoni?

4. X'inizjattivi se tieħu biex tirrimedja s-sitwazzjoni? Hija bi ħsiebha żżid l-appoġġ finanzjarju dirett għall-organizzazzjonijiet nongovernattivi fl-UE kollha?