Mistoqsija Parlamentari - O-000058/2017Mistoqsija Parlamentari
O-000058/2017

Il-kaċċa għall-balieni fin-Norveġja

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000058/2017
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Sirpa Pietikäinen, Renata Briano, Mark Demesmaeker, Catherine Bearder, Anja Hazekamp, Keith Taylor, Eleonora Evi, f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel

Proċedura : 2017/2712(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-000058/2017
Testi mressqa :
O-000058/2017 (B8-0324/2017)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Fl-1986, il-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni (IWC) ħarġet moratorju internazzjonali fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni. Madankollu, in-Norveġja kompliet il-kaċċa għall-balieni u fl-1993 reġgħet fetħet għalkollox il-kaċċa kummerċjali għall-balieni, billi ressqet oġġezzjoni formali għall-moratorju kif ukoll riżervi dwar il-klassifikazzjoni tas-CITES. In-Norveġja tistabbilixxi hija stess il-limiti tal-qabdiet tagħha. Għall-istaġun tal-kaċċa għall-balieni tal-2017, hija żiedet il-kwota tal-balenottera żgħira tal-Atlantiku tat-Tramuntana għal 999 – minn 880 fl-2016. Diversi NGOs irrappurtaw li l-esportazzjoni tal-laħam tal-baliena min-naħa tan-Norveġja żdiedet f'daqqa f'dawn l-aħħar snin. Parti mil-laħam esportat jgħaddi mill-portijiet tal-UE. Pereżempju, skont l-Animal Welfare Institute, f'Ottubru 2016 biss, 2 948 kg ta' prodotti Norveġiżi ġejjin mill-balieni ġew esportati lejn il-Ġappun wara li għaddew minn, tal-inqas, tliet portijiet tal-UE. It-tranżitu tal-laħam tal-baliena mill-portijiet tal-UE huwa awtorizzat, basta l-konsenji jkunu akkumpanjati minn dokumentazzjoni CITES valida skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 338/97.

1. X'azzjoni ħadet il-Kummissjoni s'issa biex tipperswadi lin-Norveġja twaqqaf il-kaċċa għall-balieni u żżomm mal-moratorju tal-IWC? Sejra l-Kummissjoni tuża l-influwenza tagħha fil-laqgħat li jmiss tal-IWC u tas-CITES biex tħeġġeġ lill-gvernijiet kontraenti jadottaw pożizzjoni komuni li tħeġġeġ lin-Norveġja twaqqaf minnufih l-attivitajiet kollha tal-kaċċa għall-balieni?

2. Tista' l-Kummissjoni tipprovdi data dwar il-kwantitajiet ta' konsenji ta' laħam tal-baliena li għaddew mill-portijiet tal-UE, id-destinazzjoni tagħhom, u jekk dawn kinux akkumpanjati minn dokumentazzjoni CITES valida? X'miżuri qed tieħu l-Kummissjoni biex tiżgura li dan l-obbligu ta' dokumentazzjoni jiġi infurzat b'mod strett?

3. Taqbel il-Kummissjoni li, billi tippermetti t-tranżitu tal-laħam tal-baliena mill-portijiet tagħha, l-UE qed tiffaċilita l-kummerċ fi speċijiet ta' balieni li huma protetti minn diversi liġijiet tal-UE u li l-kaċċa tagħhom tmur kontra l-projbizzjoni internazzjonali attwali fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni? X'temmen il-Kummissjoni li jista' jsir biex tipprojbixxi dan it-trasbord, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri? F'każ li ma jintlaħaqx ftehim man-Norveġja, sejra l-Kummissjoni tirrakkomanda projbizzjoni fuq it-tranżitu tal-laħam tal-baliena mill-portijiet tal-UE, bħala miżura eċċezzjonali?