VP/RGħ - It-tmiem taż-żwieġ tat-tfal
31.8.2017
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000064/2017
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Vilija Blinkevičiūtė, f'isem il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Waħda minn kull tlett ibniet f'pajjiżi li qed jiżviluppaw tiżżewweġ qabel ma tagħlaq it-18-il sena, u waħda minn kull disgħa qabel ma tagħlaq il-15-il sena. Iż-żwieġ tat-tfal jaffettwa kemm lill-bniet kif ukoll lis-subien, iżda l-bniet – li jagħmlu parti minn 82 % tat-tfal miżżewġin – huma l-aktar f'riskju. Il-problema ma taffettwax biss lill-pajjiżi terzi, iżda anki lill-Ewropa.
Skont l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-UE għandha tippromwovi d-drittijiet tat-tfal, iżda ż-żwieġ tat-tfal, bikri u dak furzat huma ksur ta' dawn id-drittijiet. Wieħed mill-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) tan-NU huwa li jiġu eliminati l-prattiki kollha li jagħmlu l-ħsara, inkluż iż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ bikri u dak furzat. Fl-istess ħin, it-tmiem taż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ bikri u dak furzat huwa mniżżel bħala waħda mill-prijoritajiet għall-ħidma tal-UE fid-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal intitolat "dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: it-trasformazzjoni tal-ħajja tal-bniet u n-nisa permezz tar-relazzjonijiet esterni tal-UE (2016–2020)", fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem 2015-2019 u fil-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020, li jenfasizza l-ħtieġa li n-nisa u l-bniet ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha. Dan l-aħħar l-UE ddeċidiet li tiffirma l-Konvenzjoni ta' Istanbul, li tirrikonoxxi ż-żwieġ furzat bħala tip ta' vjolenza kontra n-nisa u tħeġġeġ li l-miżuri tagħha jiġu estiżi għas-subien u l-irġiel, peress li anke huma jistgħu jkunu vittmi taż-żwieġ furzat. Il-Konvenzjoni titlob il-kriminalizzazzjoni tal-att li jġiegħel lil minorenni fi żwieġ u ta' dak li jħeġġeġ lil minorenni jitilqu f'pajjiż ieħor sabiex jiġu furzati fi żwieġ.
Barra minn hekk, għarajjes tfal spiss huma soġġetti għal tqala bikrija u frekwenti, u li l-komplikazzjonijiet tagħha spiss iwasslu għall-mewt.
1. Il-Kummissjoni kif tivvaluta l-impatt ta' proġetti jew kampanji mfassla biex jiġġieldu kontra ż-żwieġ tat-tfal u l-livell ta' finanzjament għal dan l-objettiv fl-azzjonijiet esterni kollha tal-UE? Il-Kummissjoni tqis indikaturi dwar iż-żwieġ tat-tfal fil-ftehimiet ta' kooperazzjoni tagħha, u tipprovdi parametri referenzjarji speċifiċi sabiex jinqered dan il-fenomenu?
2. X'passi jittieħdu sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet u tas-saħħa (inklużi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi) tat-tfal kollha fl-Istati Membri tal-UE fir-rigward taż-żwieġ tat-tfal u l-applikazzjoni ta' standards legali unifikati, inkluż bil-għan li l-UE tirratifika l-Konvenzjoni ta' Istanbul?
3. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri kif qegħdin jindirizzaw il-kwistjoni taż-żwieġ tat-tfal, partikolarment fir-rigward tar-rifuġjati tfal u t-tfal li jfittxu asil?