Mandati ta' arrest tal-Interpol (Avviżi Ħomor) u t-Turkija
8.9.2017
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000073/2017
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Judith Sargentini, Bodil Valero, Rebecca Harms, Jordi Solé, Josep-Maria Terricabras, Barbara Lochbihler, Eva Joly, Jan Philipp Albrecht, Jean Lambert, Ulrike Lunacek, f'isem il-Grupp Verts/ALE
F'Awwissu 2017, il-pulizija Spanjola arrestat żewġ ġurnalisti kritiċi b'ċittadinanza doppja Svediża/Torka u Ġermaniża/Torka rispettivament, wara avviż tal-Interpol maħruġ mit-Turkija.
Fir-riżoluzzjoni 2161 (2017) tagħha l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa nnotat li, f'diversi każijiet, is-sistema ta' Avviż Aħmar tal-Interpol ġie abbużata minn xi pajjiżi biex irażżnu l-libertà tal-espressjoni jew biex jippersegwitaw membri tal-oppożizzjoni politika lil hinn mill-fruntieri tagħhom.
Għalhekk, huwa tal-akbar importanza li jkun hemm salvagwardji xierqa għal difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti leġittimi kontra l-abbuż potenzjali ta' notifiki tal-Interpol.
– X'qed tagħmel il-Kummissjoni biex tiżgura li d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE u ta' pajjiżi terzi ma jiġux miksura bl-użu ta' data tal-Interpol min-naħa tal-Istati Membri tal-UE?
– Il-Kummissjoni hija konxja minn xi mekkaniżmu li jiżgura li jitwettqu l-kontrolli meħtieġa u proporzjonati dwar it-twissijiet tal-Interpol minn pajjiżi b'rekords ħżiena tad-drittijiet tal-bniedem, pereżempju permezz tal-Europol?
– X'salvagwardji kontra l-abbużi qed tippjana l-Kummissjoni li ddaħħal fis-seħħ rigward leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tikkonċerna l-kontrolli fil-fruntieri esterni u l-użu ta' sistemi ta' informazzjoni bħal pereżempju SIS II, ETIAS u s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ sabiex issaħħaħ l-iskambju tal-informazzjoni bejn dawn is-sistemi u l-Interpol?