Tutela għal persuni b'diżabilitajiet intellettwali
31.10.2017
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000083/2017
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Maria Grapini, Olga Sehnalová, Lambert van Nistelrooij, José Inácio Faria, Dieter-Lebrecht Koch, Romana Tomc, Sirpa Pietikäinen, Salvatore Domenico Pogliese, Rosa Estaràs Ferragut, Julia Pitera, Barbara Kudrycka, Michał Boni, Heinz K. Becker, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Csaba Sógor, Emil Radev, Marek Plura, Biljana Borzan, Soledad Cabezón Ruiz, Monika Smolková, Janusz Zemke, Karoline Graswander-Hainz, Dietmar Köster, Viorica Dăncilă, Brando Benifei, Wajid Khan, Michela Giuffrida, Miltiadis Kyrkos, István Ujhelyi, Costas Mavrides, Catherine Stihler, Nicola Danti, Isabella De Monte, Doru-Claudian Frunzulică, Jean-Paul Denanot, Dan Nica, Ioan Mircea Paşcu, Andi Cristea, Emilian Pavel, Julie Ward, Marc Tarabella, Helga Stevens, Jana Žitňanská, Ivo Vajgl, Norica Nicolai, António Marinho e Pinto, Igor Šoltes, Merja Kyllönen, Georgios Epitideios, Zoltán Balczó
Hemm madwar 80 miljun persuna b'diżabilitajiet li qed jgħixu fl-UE. Ħafna minn dawn in-nies, b'mod partikolari dawk b'diżabilitajiet intellettwali jew psikosoċjali, huma parzjalment jew totalment imċaħħda mill-kapaċità ġuridika tagħhom, u b'riżultat ta' dan qed jiġu mċaħħda mid-dritt tagħhom li jgħixu b'mod indipendenti u jieħdu d-deċiżjonijiet dwar ħajjithom. Iċ-ċittadini Ewropej f'din is-sitwazzjoni ma jistgħux jagħżlu fejn u ma' min jgħixu, ma jistgħux jivvutaw jew joħorġu għall-elezzjoni (inkluż fl-elezzjonijiet Ewropej), ma jistgħux jiżżewġu, u ma jistgħux jiffirmaw kuntratti ta' impjieg. Il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità tan-NU (CRPD), li ġiet irratifikata mill-UE u kważi mill-Istati Membri kollha tagħha, tippromwovi approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u tirrikonoxxi li l-persuni kollha b'diżabilitajiet huma detenturi tad-dritt u għandhom igawdu l-kapaċità legali tagħhom fuq bażi ugwali bħall-oħrajn. Dan l-approċċ għad-diżabilità għandu implikazzjonijiet kbar għal-leġiżlazzjoni dwar il-kapaċità legali u kien jeħtieġ ċaqliq mill-għoti b'mod legali lil persuni oħrajn tal-kapaċità li jiddeċiedu għal persuni b'diżabilitajiet (magħruf bħala teħid tad-deċiżjonijiet sostitut) għall-appoġġ għal persuni biex jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom stess (magħruf bħala teħid tad-deċiżjonijiet appoġġjat). Minkejja l-fatt li kważi l-pajjiżi kollha tal-UE rratifikaw is-CRPD, il-leġiżlazzjoni f'kull Stat Membru għadha tilleġitimizza ċ-ċaħda tal-kapaċità legali abbażi tad-diżabilità, li hija diskriminatorja. Madankollu, mudelli tat-teħid tad-deċiżjonijiet appoġġjati effettivi jeżistu u għandhom jiġu żviluppati aktar biex jipprovdu appoġġ adegwat li jagħti s-setgħa lin-nies kollha biex jagħmlu l-għażliet tagħhom u jgawdu d-drittijiet tagħhom b'mod sħiħ bħal kwalunkwe ċittadin Ewropew ieħor. L-isforzi tal-UE f'dan il-qasam ġew riveduti mill-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità fl-2015. Skont ir-Rapport ta' Progress tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità, madankollu, saru veru ftit avvanzi dwar kwistjonijiet li jittrattaw il-kapaċità legali u d-drittijiet tal-UE.
Kif jista' jitjieb ir-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE, fi ħdan il-limiti tal-kompetenzi tagħhom f'dan il-qasam, sabiex jitħeġġu b'mod aktar attiv l-Istati Membri biex ibiddlu l-leġiżlazzjoni tagħhom dwar il-kapaċità legali? X'passi jistgħu jittieħdu mill-UE biex jiġi żgurat li l-persuni mċaħħda mill-kapaċità legali tagħhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont il-liġi Ewropea sa fejn huwa l-aktar possibbli, inkluż id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jmiss?