Id-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew
29.11.2017
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000090/2017
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Danuta Maria Hübner, f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Fid-dawl tal-ħidma mwettqa mill-aħħar kumitati ta' inkjesta (EMIS, PANA), huwa ċar li l-qafas ġuridiku attwali għall-ħidma tal-kumitati ta' inkjesta fi ħdan il-Parlament Ewropew (Deċiżjoni 95/167/KE) mhuwiex aktar validu, kif iddikjarat fl-Abbozz ta' Rakkomandazzjoni u l-Abbozz ta' Rapport tat-22 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, u fir-rakkomandazzjonijiet u fir-rapport tal-Parlament tal-4 ta' April 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur tal-karozzi.
Huwa ċar li se jkun hemm bżonn ta' rieda politika qawwija biex jissaħħaħ id-dritt ta' inkjesta tal-Parlament, pedament essenzjali tal-parlamentariżmu u waħda mis-setgħat essenzjali tiegħu, fuq il-bażi tal-Artikolu 226 TFUE. Sa mill-bidu tal-leġiżlatura, ir-Rapporteur tal-Parlament dejjem wera ruħu lest li jfittex soluzzjonijiet kostruttivi mal-Kummissjoni bil-ħsieb li jimmobilizza l-isforzi kollha biex it-tliet istituzzjonijiet jagħmlu progress dwar dan ir-regolament importanti. Ir-Rapporteur tal-Parlament f'isem il-Kumitat AFCO pprova kemm-il darba, b'sitt Presidenzi differenti tal-Kunsill, biex jinbdew diskussjonijiet u negozjati – fi spirtu ta' kompromess, djalogu u kunsens wiesa' – dwar il-kwistjonijiet politiċi mqajma mill-Kunsill u mill-Kummissjoni sabiex tinkiseb l-approvazzjoni tagħhom kif rikjest mill-Artikolu 226 TFUE. Sfortunatament, u minkejja l-adozzjoni ta' żewġ Dokumenti ta' Ħidma tal-Kumitat AFCO u dokument "informali", li fih il-kwistjonijiet kienu indirizzati b'argumenti politiċi u soluzzjonijiet possibbli li jistgħu jservu bħala bażi għal negozjati ġodda bejn it-tliet istituzzjonijiet, il-proċess ma mexiex 'il quddiem.
Wara għadd ta' snin ta' dan l-istaġnar interistituzzjonali, li finalment kien miftiehem mit-tliet istituzzjonijiet fl-10 ta' Ottubru 2016, li s-servizzi legali rispettivi tagħhom għandhom jiltaqgħu biex isibu kjarifiki tekniċi komuni possibbli dwar il-kwistjonijiet legali u istituzzjonali pendenti mqajma mill-Kummissjoni u mill-Kunsill. Dan id-dokument komuni għandu jiffaċilita t-tfassil ta' diċitura ġdida possibbli u t-tnedija ta' negozjati uffiċjali f'livell politiku. Sfortunatament, u minkejja l-insistenza tal-Parlament, l-aħħar dokument eżistenti għadu wieqaf, u dan iqajjem dubji dwar ir-rieda tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u l-impenn tagħhom li jimpenjaw ruħhom mal-Parlament b'rispett tal-prinċipju ta' kooperazzjoni leali.
Tista' l-Kummissjoni tispjega r-raġunijiet għal tali ftehim, u tipprovdi assigurazzjonijiet li se tkun disponibbli biex minnufih timpenja ruħha fi djalogu politiku mal-Parlament u l-Kunsill bil-ħsieb li jilħqu ftehim li jippermetti li l-proċedura tiġi konkluża u tipprovdi qafas ġuridiku xieraq għall-implimentazzjoni tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament?