Il-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE
5.12.2017
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000098/2017
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Bernd Lange, f'isem il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
L-UE hija impenjata li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-ħaddiema u l-istandards ambjentali fil-politika kummerċjali tagħha. It-Trattati tal-UE għalhekk jesiġu fil-politiki rilevanti kollha tal-UE, inkluż il-politika tal-kummerċ, biex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet dwar il-kummerċ tagħna, li jista' jinkiseb permezz ta' dispożizzjonijiet b'saħħithom stabbiliti fil-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSD). Sabiex tkun żgurata li l-kapitoli tat-TSD ikunu aktar koerenti, ambizzjużi u effettivi fil-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles (FTAs) fil-ġejjieni, aħna nilqgħu l-fatt li l-Kummissjoni nediet dibattitu dwar kif dawn il-miżuri jistgħu jittejbu.
1. Il-Kummissjoni għandha tressaq żewġ approċċi għall-eżami: approċċ aktar assertiv tat-TSD u approċċ ibbażat fuq is-sanzjonijiet. Dawn l-approċċi, kif jistgħu jqisu l-kwistjonijiet usa' li jaffettwaw l-istandards tax-xogħol u dawk ambjentali biex tittejjeb l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-kapitoli tat-TSD? X'approċċi u strumenti oħra ta' politika qed tikkunsidra l-Kummissjoni?
2. Il-Kummissjoni kif beħsiebha tkompli tindirizza n-nuqqasijiet fil-mekkaniżmi ta' monitoraġġ tas-soċjetà ċivili, li identifikaw problemi f'pajjiżi sħab li jistgħu, pereżempju, jirtiraw l-impenji tat-TSD wara li jidħol fis-seħħ l-FTA?
3. Il-Kummissjoni se tippreżenta il-Parlament bl-abbozz ta' testi, pereżempju, fir-rigward tas-sottomissjonijiet pubbliċi u l-infurzar effettiv tal-liġijiet tax-xogħol u dawk ambjentali u obbligazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari dwar impenji relatati mal-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO u l-ftehimiet ambjentali multilaterali rilevanti (MEAs), inkluż il-Ftehim ta' Pariġi? Liema proċessi ta' reviżjoni ġew previsti għal ftehimiet eżistenti?
4. Il-Kummissjoni tipprevedi t-twettiq ta' valutazzjoni tal-impatt, konsultazzjoni pubblika jew diskussjoni pubblika fil-qafas ta' dan l-eżerċizzju? Kif se jiġi strutturat il-proċess ta' diskussjoni bejn l-istituzzjonijiet?