Mistoqsija Parlamentari - O-000099/2017Mistoqsija Parlamentari
O-000099/2017

Ir-riforma tal-liġi elettorali tal-UE

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000099/2017
lill-Kunsill
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Danuta Maria Hübner, f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

Proċedura : 2017/3019(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-000099/2017
Testi mressqa :
O-000099/2017 (B8-0002/2018)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Fil-11 ta' Novembru 2015, il-Parlament adotta fil-plenarja l-proposta tiegħu għal dispożizzjonijiet li jemendaw l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, li ntbagħtet lill-Kunsill għal deliberazzjonijiet u deċiżjoni skont l-Artikolu 223(1) tat-TFUE. Il-Parlament ippropona numru ta' miżuri, bl-għan li jsaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tal-elezzjonijiet u jipprevedi ugwaljanza elettorali akbar għaċ-ċittadini tal-Unjoni.

Sa mill-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Parlament, ħames Presidenzi tal-Kunsill (il-Lussemburgu, in-Netherlands, is-Slovakkja, Malta u issa l-Estonja) ħadmu fuq il-proposta tal-Parlament iżda l-ebda waħda minnhom ma pprovdiet lill-Parlament b'riżultat formali jew informali tad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill.

Skont l-Artikolu 223(1) tat-TFUE, il-Parlament irid jagħti l-kunses tiegħu għad-deċiżjoni tal-Kunsill u l-Istati Membri jeħtieġ li jirratifikawha qabel ma tidħol fis-seħħ. Sabiex jiġi żgurat li din ir-riforma tkun applikabbli għall-elezzjonijiet Ewropej fl-2019, il-fajl irid jiġi finalizzat sar-Rebbiegħa tal-2018 (peress li f'ċerti Stati Membri l-modifiki għal-liġi elettorali jridu jidħlu fis-seħħ 12-il xahar qabel l-elezzjonijiet). Mingħajr ir-riforma tal-Att Elettorali, l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss se jitwettqu skont ir-regoli tal-1976 bin-nuqqasijiet u l-insuffiċjenzi kollha tagħhom, u b'hekk se tintilef l-opportunità li tittejjeb il-parteċipazzjoni tal-votanti fl-elezzjonijiet tal-2019. Din hija wkoll kwistjoni ta' kooperazzjoni interistituzzjonali sinċiera mal-Parlament bħala r-rappreżentant dirett taċ-ċittadini Ewropej, li għamel użu mid-dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva tiegħu għal-liġi elettorali Ewropea skont l-Artikolu 223(1) tat-TFUE.

Il-Kunsill jista' jekk jogħġbu jinforma lill-Parlament, bħala l-koleġiżlatur, bl-iskeda ta' żmien li magħha biħsiebu jimxi sabiex jiffinalizza l-proposta tal-Parlament, u jispjega r-raġunijiet għad-dewmien fit-titjib tar-regoli għall-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew skont il-linji proposti mill-Parlament fl-2015?