L-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 2015/1839 dwar miżuri speċifiċi għall-Greċja
18.12.2017
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000100/2017
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Iskra Mihaylova, f'isem il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Il-kriżi finanzjarja wasslet għal rati negattivi persistenti ta' tkabbir fil-Greċja, kif ukoll għal problemi serji ta' likwidità u nuqqas ta' fondi pubbliċi. F'Ottubru 2015, il-Parlament u l-Kunsill emendaw ir-Regolamenti dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) u adottaw ir-Regolament (UE) 2015/1839 li jintroduċi miżuri eċċezzjonali, li l-għan tagħhom kien li jipprovdu lill-Greċja b'likwidità f'mument kruċjali qabel ma l-implimentazzjoni ta' programmi waqfet. B'mod aktar speċifiku, fir-rigward tal-perjodu 2007-2013, dan ir-regolament stabbilixxa rata massima ta' kofinanzjament tal-UE ta' 100% u fir-rigward tal-perjodu 2014-2020 żied il-livell tal-prefinanzjament inizjali, u b'hekk żgura li l-Greċja kellha biżżejjed mezzi finanzjarji biex tibda l-implimentazzjoni tal-programmi.
Il-Kumitat REGI ħatar lill-Pascal Arimont bħala rapporteur permanenti biex isegwi l-implimentazzjoni u l-prestazzjoni ta' dan is-CPR. Fid-dawl tan-nuqqas ta' komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Parlament u l-informazzjoni limitata pprovduta waqt is-smigħ konġunt CONT/REGI fl-4 ta' Diċembru 2017, il-Parlament jixtieq jistaqsi lill-Kummissjoni tikkjarifika dan li ġej:
1. Fir-rigward ta' dawn il-miżuri speċifiċi, kemm, mill-proġetti prijorità tal-Greċja, tlestew b'suċċess, u kemm qed ikomplu fil-perjodu kurrenti?
2. X'konklużjonijiet waslet għalihom il-Kummissjoni mir-rapport ipprovdut mill-awtoritajiet Griegi f'Mejju 2017 dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri speċifiċi?
3. L-investimenti fl-infrastruttura, kif żiedu l-kompetittività b'mod ġenerali?
4. Il-Fondi Strutturali u ta' Investiment tal-UE, kif ikkontribwixxew għaż-żieda fil-kompetittività tal-Greċja?