Proċedura : 2018/2531(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : O-000102/2017

Testi mressqa :

O-000102/2017 (B8-0004/2018)

Dibattiti :

PV 07/02/2018 - 19
CRE 07/02/2018 - 19

Votazzjonijiet :

Testi adottati :


Mistoqsijiet parlamentari
PDF 204kWORD 17k
21 ta' Diċembru 2017
O-000102/2017
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000102/2017
lill-Kummissjoni (Viċi President / Rappreżentant Għoli)
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Barbara Matera, Dubravka Šuica, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Rosa Estaràs Ferragut, f'isem il-Grupp PPE
Iratxe García Pérez, Soraya Post, f'isem il-Grupp S&D
Arne Gericke, f'isem il-Grupp ECR
Malin Björk, f'isem il-Grupp GUE/NGL
Terry Reintke, Ernest Urtasun Domènech, f'isem il-Grupp Verts/ALE
Angelika Mlinar, Izaskun Bilbao Barandica, Hilde Vautmans, f'isem il-Grupp ALDE

 Suġġett: VP/HR - Is-sitwazzjoni tan-nisa difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-appoġġ li jirċievu mill-UE
 Tweġiba fil-plenarja 

L-appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ilu jagħmel parti mill-politika esterna tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u jirrappreżenta waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha. Il-Parlament Ewropew ilu żmien twil jirrakkomanda politika komprensiva tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ta kontribut attiv għat-tfassil ta' tali politika f'ħafna mir-riżoluzzjonijiet tiegħu, inkluż fir-rapport mill-aktar reċenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja għall-2016. Illum il-ġurnata, l-appoġġ tal-UE huwa aktar u aktar importanti hekk kif l-ambjent li fih joperaw id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed ikun dejjem iżjed restrittiv, l-ispazju politiku u dak tas-soċjetà ċivili qed jiċkienu f'ħafna pajjiżi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed iħabbtu wiċċhom ma' theddid dejjem iżjed numeruż.

In-nisa difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jiffaċċjaw theddid u ostakli partikolari ta' natura sessista fil-ħidma tagħhom. Dan jaf jibda bħala reżistenza mill-familja jew komunità tagħhom fil-konfront tar-rwol ta' tmexxija li jiżvolġu minħabba stereotipi dwar ix-xogħol tan-nisa u dwar posthom fis-soċjetà, u jista' jwassal għal nuqqas ta' ugwaljanza f'dak li huwa aċċess għar-riżorsi, għan-netwerks u għas-sistemi ekonomiċi u soċjali maħsuba biex joffrulhom protezzjoni u jagħtuhom appoġġ għal ħidmithom. Barra minn hekk, in-nisa difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ta' sikwit isofru tipi ta' attakki li tradizzjonalment jiġu kommessi kontra n-nisa, bħal strupru, kampanji ta' diffamazzjoni ta' natura sesswali u attakki bl-aċtu, kif ukoll theddid jew dannu fil-konfront ta' wliedhom jew qrabathom u aggressjoni mill-partners jew komunitajiet tagħhom. F'kull reġjun tad-dinja, il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-isfera politika u f'dik soċjali tinsab mhedda minn tali diskriminazzjoni u vjolenza, u aktar u aktar fejn jidħlu n-nisa difensuri tad-drittijiet tal-bniedem. Hekk kif id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jinsabu fil-qalba tal-isforzi li qed isiru biex jinkisbu żvilupp sostenibbli u reżiljenza soċjetali, huwa ta' importanza kruċjali li jiġu implimentati strateġiji li joffru lin-nisa difensuri tad-drittijiet tal-bniedem appoġġ li jkun sensittiv għad-dimensjoni tal-ġeneru. Konsegwentement, il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem jirrikonoxxu li l-appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jirrikjedi perspettiva li tikkunsidra l-ġeneru.

Liema mekkaniżmi u prattiki tajbin stabbiliet il-VP/RGħ biex tiżgura u tivverifika li d-delegazzjonijiet kollha tal-UE jimplimentaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi elementi speċifiċi għall-ġeneru mmirati lejn il-ħtiġijiet tan-nisa difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'dak li jirrigwarda l-viżibbiltà, l-appoġġ mill-familja, il-possibbiltà ta' rilokazzjoni u l-għajnuna għall-benessri fiżiku u psikosoċjali tagħhom?

Minn mindu ġew adottati l-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, lil kemm nisa difensuri tad-drittijiet tal-bniedem is-SEAE ta l-appoġġ dirett tiegħu fil-forma ta' għotjiet ad hoc ġestiti mid-delegazzjonijet tal-UE, u f'liema pajjiżi? Liema kienu l-elementi speċifiċi għall-ġeneru ta' dan l-appoġġ?

Lingwa oriġinali tal-mistoqsija: EN
Avviż legali - Politika tal-privatezza