Tolleranza żero għall-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF)
24.1.2018
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000003/2018
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Vilija Blinkevičiūtė, f'isem il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
L-Unjoni Ewropea hija impenjata li taħdem kollettivament biex telimina l-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF), bħala parti mill-isforzi usa' tagħha fil-ġlieda kontra l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, u li tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f'dan il-qasam.
Skont id-WHO, 140 miljun mara u tifla fid-dinja kollha bħalissa qegħdin jgħixu bil-konsegwenzi dannużi tal-MĠF, filwaqt li l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) jirrapporta li hemm vittmi f'tal-anqas 13-il Stat Membru.
Il-partijiet ikkonċernati li jaħdmu biex tiġi eliminata din il-prattika jisħqu fuq il-ħtieġa li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni transsettorjali u li l-kwistjoni tal-MĠF tiġi integrata fis-setturi kollha: is-saħħa, l-assistenza soċjali, l-ażil, l-edukazzjoni, l-infurzar tal-liġi, il-ġustizzja, il-protezzjoni tat-tfal, il-midja u l-komunikazzjoni, peress li ħajjet il-bniet u n-nisa li jġarrbu MĠF jew li huma esposti għal tali riskju tintlaqat b'bosta modi. Dawn is-setturi kollha jeħtieġ li jkunu lesti joffru protezzjoni u servizzi adegwati lill-vittmi jew lill-vittmi potenzjali.
Fi Frar 2015, il-Kummissjoni aġġornat lill-Parlament dwar l-azzjoni tagħha rigward l-eliminazzjoni tal-MĠF li ħadet fl-ambitu tal-istrateġija tagħha "Lejn l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili". Illum, fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali kontra l-MĠF, nixtiequ nitolbu lill-Kummissjoni tipprovdilna ħarsa ġenerali tal-progress li sar u l-azzjonijiet li ttieħdu minn dakinhar 'il hawn.
X'għamlet il-Kummissjoni biex tintegra l-prevenzjoni tal-MĠF fl-oqfsa politiċi u leġiżlattivi rilevanti kollha tad-diversi Direttorati Ġenerali tagħha bil-għan li tiżgura li l-kwistjoni tiġi indirizzata fis-setturi kollha msemmija hawn fuq?
X'segwitu qed jingħata għall-politiki integrati, u x'mekkaniżmi ta' kooperazzjoni ġew stabbiliti?
Barra minn hekk, il-Kummissjoni kif se tintegra l-isforzi tagħha u tiggarantixxi l-koordinament tal-isforzi tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-MĠF fil-qafas usa' tal-ġlieda kontra l-vjolenza sessista skont il-Konvenzjoni ta' Istanbul?
Kif se tiġi indirizzata l-MĠF fl-ambitu tal-Inizjattiva "Spotlight" tal-UE u n-NU inawgurata dan l-aħħar dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet?