Negozjati għal Ftehim ta' Sħubija ġdid mal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku
2.5.2018
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000043/2018
lill-Kunsill
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Linda McAvan, f'isem il-Kumitat għall-Iżvilupp
Fit-12 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar Ftehim ta' Sħubija bejn l-UE u l-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku. In-negozjati joffru l-opportunità biex tkun immodernizzata s-sħubija bejn l-UE u l-Grupp ta' Stati AKP, li għandha tibqa' ġuridikament vinkolanti u bbażata fuq valuri. Il-proposti jqajmu għadd ta' mistoqsijiet:
– Il-mandat tal-Kunsill kif se jirrikonċilja l-bidla proposta favur patti reġjonali maż-żamma ta' identità b'saħħitha tal-AKP?
– Liema rwol u liema status ġuridiku huma previsti għall-Unjoni Afrikana u għall-organizzazzjonijiet reġjonali, bħall-Komunitajiet Ekonomiċi Reġjonali, f'din is-sħubija l-ġdida?
– X'tip ta' bilanċ qiegħed ifittex il-Kunsill bejn enfasi qawwija fuq l-Afrika u t-tkomplija tas-sħubija mar-reġjuni tal-Karibew u tal-Paċifiku?
– Il-Kunsill kif biħsiebu jagħmel id-djalogu politiku aktar effikaċi, itejjeb il-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u jagħmel il-monitoraġġ aktar inklużiv u parteċipattiv?
– Il-Kunsill kif biħsiebu jibni sħubija ġenwina bejn diversi atturi li tkun tagħti rwol imsaħħaħ lill-parlamenti, lis-soċjetà ċivili u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali matul iċ-ċiklu ta' ħajja kollu tal-ftehim, min-negozjati sal-implimentazzjoni?
– Il-Kunsill kif se jiżgura li sħubija usa' b'aktar elementi politiċi lil hinn mill-għajnuna ma ddgħajjifx l-impenji tas-sħubija dwar il-qerda tal-faqar u biex ħadd ma jibqa' lura? X'inhuma l-intenzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward tal-ħolqien ta' qafas li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli b'rabta mal-attivitajiet tas-settur privat?
– Il-mandat tal-Kunsill kif se jsaħħaħ id-dimensjoni parlamentari tas-sħubija futura? Liema arkitettura istituzzjonali jipprevedi l-Kunsill, barra mill-Assemblea Parlamentari Konġunta (APK) f'livell ġenerali?
– Il-mandat sa liema punt se jżid il-poteri konsultattivi tal-APK futura u jiżgura li l-Assemblea tiġi kkonsultata regolarment mill-Kunsill tal-Ministri?
– Il-Kunsill biħsiebu jippubblika d-direttivi tan-negozjati finali tal-UE?