Mistoqsija Parlamentari - O-000059/2018Mistoqsija Parlamentari
O-000059/2018

L-għeluq tas-suq tal-avorju tal-UE għall-ġlieda kontra l-kaċċa illegali

31.5.2018

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000059/2018
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Louis Michel, Catherine Bearder, Gerben-Jan Gerbrandy, Frédérique Ries, f'isem il-Grupp ALDE

Il-kummerċ illegali tal-avorju żdied b'aktar mid-doppju mill-2007. Il-kaċċaturi illegali joqtlu madwar 55 iljunfant kuljum. Minbarra l-impatt dirett fuq l-ispeċi u fuq l-ekosistemi, il-kaċċa illegali u t-traffikar idgħajfu s-sigurtà, l-iżvilupp, l-istat tad-dritt u l-istabbiltà fil-pajjiżi affettwati fl-Afrika. Barra minn hekk, il-kaċċa illegali hija marbuta mal-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata, il-finanzjament ta' gruppi armati u l-qtil tal-għassiesa tal-Park. L-Istati Uniti, iċ-Ċina, Hong Kong u r-Renju Unit diġà adottaw miżuri biex jagħlqu s-swieq domestiċi tagħhom bi ftit eċċezzjonijiet biss, li huma ferm aktar stretti minn dawk attwalment fis-seħħ fl-UE. Il-gruppi għall-protezzjoni tal-annimali selvaġġi, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, ix-xjenzati u l-awtoritajiet f'pajjiżi Afrikani qed jappellaw lill-UE tagħlaq is-suq domestiku tagħha. F'Marzu 2018, ġiet trażmessa lill-Kummissjoni petizzjoni biex jintemm il-kummerċ tal-avorju ffirmata minn aktar minn 1,2 miljun ċittadin. Il-Parlament ripetutament talab biex jintemm is-suq Ewropew tal-avorju, filwaqt li l-Kunsill appella għal aktar miżuri biex jitwaqqaf in-negozju kummerċjali fl-avorju. Il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika sabiex jiġi stabbilit jekk humiex meħtieġa miżuri iktar stretti.

1. Il-Kummissjoni tista' tiggarantixxi li s-suq domestiku legali eżistenti għall-avorju fl-UE ma jikkontribwix għall-kaċċa illegali jew għall-kummerċ illegali, b'mod partikolari minħabba d-diffikultà li ssir distinzjoni bejn avorju legali u dak illegali? Il-Kummissjoni tinsab imħassba wkoll dwar il-fatt li l-kummerċ legali jistimula d-domanda u jdgħajjef l-isforzi ta' infurzar?

2. Il-Kummissjoni tqis li hemm interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi mill-Istati Membri tad-dispożizzjonijiet legali attwali tal-UE dwar il-kummerċ fl-avorju fi ħdan l-UE u l-esportazzjoni tiegħu? Jekk le, x'passi oħra se tieħu?

3. Il-Kummissjoni kif qed tippjana biex timplimenta konkretament ir-rakkomandazzjonijiet tal-istudju tal-2015 mwettaq minn DĠ DEVCO bit-titolu "Larger than Elephants", b'mod partikolari l-ħtieġa li jingħalqu s-swieq domestiċi tal-avorju u tinqered kwalunkwe ħażna ta' avorju, u se talloka fondi għal dan il-għan?

4. Fid-dawl tal-impenji tal-UE dwar il-konservazzjoni tal-bijodiversità u fid-dawl tal-prinċipju ta' prekawzjoni, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tagħlaq is-suq tal-avorju tal-UE? Il-Kummissjoni x'miżuri oħra biħsiebha tieħu biex tiffaċċja l-urġenza tal-problema u tinkoraġġixxi lill-pajjiżi terzi jagħlqu s-swieq tal-avorju tagħhom?

Aġġornata l-aħħar: 5 ta' Ġunju 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza