Mistoqsija Parlamentari - O-000070/2018Mistoqsija Parlamentari
O-000070/2018

Iċ-ċaħda tad-drittijiet tal-vot fl-UE

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000070/2018
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Cecilia Wikström, f'isem il-Kumitat għall-Petizzjonijiet

Proċedura : 2018/2767(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-000070/2018
Testi mressqa :
O-000070/2018 (B8-0040/2018)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet huwa dritt fundamentali komuni għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri, u t-Trattati tal-UE jirrikonoxxu li huwa relatat mad-dritt tal-parteċipazzjoni politika. Il-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-UE u t-tgawdija tad-drittijiet elettorali miċ-ċittadini tal-UE li jgħixu barra fi Stat Membru ieħor ta' spiss kienu s-suġġett ta' petizzjonijiet.

Sitt Stati Membri tal-UE (Ċipru, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, Malta u r-Renju Unit) iċaħħdu ċ-ċittadini tagħhom mid-dritt tal-vot f'elezzjonijiet nazzjonali minħabba li huma residenti barra minn pajjiżhom, abbażi tas-suppożizzjoni li l-espatrijati mhumiex affettwati minn deċiżjonijiet politiċi meħuda fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom. Dawn l-Istati Membri jċaħħdu ċ-ċittadini tagħhom mid-dritt tagħhom li jivvutaw f'elezzjonijiet Ewropej jekk jgħixu b'mod permanenti f'pajjiż terz, u tnejn minnhom (l-Irlanda u r-Renju Unit) saħansitra jagħmlu dan fir-rigward ta' ċittadini li huma residenti fl-UE. F'ċerti Stati Membri (pereżempju Spanja u l-Portugall) hemm nuqqas jew insuffiċjenza ta' faċilitajiet fejn wieħed jista' jivvota minn barra, fatt li jostakola l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot. Il-limitazzjoni jew iċ-ċaħda taċ-ċittadini mid-dritt tal-vot tagħhom ladarba jiċċaqalqu lejn pajjiż ieħor tal-UE jistgħu jitqiesu bħala ksur tal-libertà tal-moviment skont id-dritt tal-UE.

1. Il-Kummissjoni qiegħda tippjana li tieħu miżuri addizzjonali, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, sabiex tipproteġi bis-sħiħ id-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru ieħor tal-UE li jivvutaw fl-elezzjonijiet u r-referenda f'pajjiżhom, kif imwiegħed fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tagħha tal-2017? Il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri kkonċernati dwar in-numru ta' lmenti ppreżentati miċ-ċittadini rigward iċ-ċaħda tad-dritt tagħhom?

2. Il-Kummissjoni tista' tirraporta lura dwar l-ipproċessar tal-ilmenti taċ-ċittadini b'rabta mad-dritt tal-libertà tal-moviment minħabba ċ-ċaħda min-naħa tal-Istati Membri tad-drittijiet tagħhom tal-vot meta jkunu residenti barra minn pajjiżhom? Il-Kummissjoni tqis li dan huwa ksur tad-dritt tal-moviment liberu, u biħsiebha tieħu azzjoni addizzjonali biex tneħħi l-ostakoli eżistenti sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, kif garantit mill-Artikolu 10(3) tat-TUE?

3. Il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi miżuri rigward l-elezzjonijiet Ewropej, sabiex tissalvagwardja d-dritt taċ-ċittadini kollha tal-UE li jagħżlu li jivvutaw jew fl-Istat Membru tal-oriġini jew fl-Istat Membru ospitanti tagħhom?

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Ġunju 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza