Mistoqsija għal tweġiba orali O-000072/2018 lill-Kummissjoni Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura Malin Björk, f'isem il-Grupp GUE/NGL Tanja Fajon, f'isem il-Grupp S&D Petras Auštrevičius, Sophia in 't Veld, Marietje Schaake, f'isem il-Grupp ALDE Terry Reintke, f'isem il-Grupp Verts/ALE
Il-linji gwida tal-UE għall-persuni LGBTI huma għodda ewlenija għall-ġlieda kontra l-persekuzzjoni ta' persuni LGBTI barra l-UE, u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTI, madwar id-dinja.
Matul l-aħħar sena, seħħew, b'mod estensiv, diversi persekuzzjonijiet ta' persuni (meqjusa) LGBT, b'mod partikolari fiċ-Ċeċenja u l-Ażerbajġan. Minn April 2018 għaddiet sena mindu l-gazzetta Russa Novaya Gazeta rrappurtat li mill-inqas 100 raġel ġew detenuti f'ħabsijiet mhux uffiċjali fuq is-suspett li kienu LGBT fiċ-Ċeċenja, ir-Russja, u ġarrbu atti serji ta' tortura u umiljazzjoni.
Iżda minkejja x-xhieda kbira minn aktar minn 100 vittma, inkluża waħda rilaxxata pubblikament, għad trid issir investigazzjoni indipendenti u trasparenti, filwaqt li l-awtoritajiet Ċeċeni qed ikomplu bid-diskors ta' mibegħda kontra l-persuni LGBT.
– Liema passi ħadet il-Kummissjoni matul is-sena li għaddiet biex issolvi din il-kriżi attwali?
– B'mod aktar speċifiku, x'għamlet il-Kummissjoni biex tappoġġa s-soċjetà ċivili u l-gvern fir-Russja biex jingħata bidu għal investigazzjoni trasparenti u indipendenti, u biex toffri appoġġ adegwat u rimedji għall-vittmi?
– Il-Kummissjoni kif qed tiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTI, fir-Russja u bnadi oħra, fir-rigward tal-Linji Gwida tal-UE dwar l-LGBTI?