Mistoqsija Parlamentari - O-000076/2018Mistoqsija Parlamentari
O-000076/2018

Tilwima UE-Norveġja dwar is-sajd tas-snow crab fi Svalbard

27.6.2018

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000076/2018
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Alain Cadec, f'isem il-Kumitat għas-Sajd

It-Trattat ta' Pariġi tal-1920, li tiegħu 23 Stat Membru huma partijiet, jagħti aċċess ugwali u mhux diskriminatorju għal riżorsi għall-partijiet kollha fir-rigward tas-sajd tal-ispeċijiet sfruttati b'mod kummerċjali, inkluż is-snow crab, fl-ilmijiet Svalbard. Barra minn hekk, l-Istati Membri kollha, kif ukoll in-Norveġja, huma partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, li tobbligahom jikkooperaw fil-ġestjoni tal-isfruttament tar-riżorsi ħajjin tal-baħar.

Bil-għan li jiġi garantit li s-sajd tas-snow crav fiż-żona ta' Svalbard qiegħed jitwettaq b'mod konsistenti b'regoli ta' ġestjoni mhux diskriminatorji li jistgħu jitfasslu min-Norveġja fil-limiti tat-Trattat ta' Pariġi, il-Kunsill iffissa n-numru ta' liċenzji u bastimenti li huma awtorizzati li jwettqu dan it-tip ta' sajd. B'riżultat ta' dan, l-Istati Membri huma awtorizzati li joħorġu liċenzji nazzjonali għas-sajd tas-snow crab fi Svalbard.

Madankollu, in-Norveġja ma tirrikonoxxix il-liċenzji tal-UE għas-sajd tas-snow crab, u l-awtoritajiet Norveġiżi waqqfu l-bastimenti tat-tkarkir tal-UE għas-sajd tas-snow crab li joperaw skont liċenzji validi tal-UE fi Svalbard milli joperaw. Għalhekk, is-sidien tal-bastimenti li investew bil-qawwa fis-sajd tas-snow crab abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-UE, issa ma jistgħux jistadu, u l-isforzi ta' negozjar tal-Kummissjoni tul is-sentejn li għaddew ma taw l-ebda riżultat għall-flotta tas-sajd tal-UE milquta, u li issa qed tiffaċċja l-falliment u t-telf ta' mijiet ta' impjiegi.

Aħna nikkunsidraw li l-isforzi politiċi u diplomatiċi tal-Kummissjoni biex tittratta din il-kwistjoni mal-awtoritajiet Norveġiżi ma kinux determinati biżżejjed.

1. Il-Kummissjoni kif beħsiebha tissalvagwardja d-drittijiet leġittimi tal-Istati Membri tal-UE li huma firmatarji tat-Trattat ta' Pariġi?

2. Liema passi ulterjuri beħsiebha tieħu l-Kummissjoni sabiex malajr kemm jista' jkun tinstab soluzzjoni ġusta li tippermetti lill-bastimenti tal-UE b'liċenzji validi tal-UE jistadu għas-snow crab fi Svalbard?

Aġġornata l-aħħar: 2 ta' Lulju 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza