Mistoqsija Parlamentari - O-000078/2018Mistoqsija Parlamentari
O-000078/2018

Il-kontribut tal-UE għal strument vinkolanti tan-NU dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000078/2018
lill-Kunsill
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Linda McAvan, f'isem il-Kumitat għall-Iżvilupp
Bernd Lange, f'isem il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Pier Antonio Panzeri, f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Proċedura : 2018/2763(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-000078/2018
Testi mressqa :
O-000078/2018 (B8-0404/2018)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Ir-riżoluzzjoni 26/9 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tas-26 ta' Ġunju 2014 stabbiliet grupp ta' ħidma intergovernattiv (IGWG) miftuħ dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem. Il-mandat tiegħu huwa li jiżviluppa strument internazzjonali ġuridikament vinkolanti biex jirregola, fil-qafas tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-attivitajiet ta' korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn. S'issa saru tliet sessjonijiet tal-IGWG: l-ewwel tnejn kienu ddedikati għad-diskussjoni dwar il-kontenut, il-kamp ta' applikazzjoni, in-natura u l-forma tal-istrument internazzjonali futur, filwaqt li fit-tielet waħda, li saret f'Ottubru 2017, il-grupp beda jħejji l-elementi għall-abbozzar tal-verżjoni tal-istrument ġuridikament vinkolanti. Ir-raba' ċiklu tal-IGWG hu ppjanat li jsir f'Ottubru 2018.

Minkejja l-appoġġ tal-Parlament Ewropew għall-proċess tal-IGWG, u t-talba tiegħu għal impenn ġenwin min-naħa tal-UE, l-UE esprimiet tħassib dwar il-mod kif twettaq il-proċess tal-IGWG s'issa, u jidher li għadha miżgħuda ostakli li jżommuha milli tinvolvi ruħha fil-proċess tan-negozjati. S'issa, l-UE m'għandhiex mandat formali li jservi bħala bażi għan-negozjati.

X'inhuma r-raġunijiet ewlenin li s'issa żammew lill-UE u l-Istati Membri tagħha milli jipparteċipaw attivament fil-proċess? L-UE qiegħda tipprevedi li tieħu pożizzjoni komuni għas-sessjoni tal-IGWG ta' Ottubru 2018, u jekk iva, liema proċess se jiġi segwit u l-UE kif se tikkollabora mal-partijiet interessati u mal-Parlament Ewropew?

Xi sforzi saru sabiex jinkiseb approċċ koerenti fl-UE dwar l-aċċess għal rimedju għall-vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju fl-UE? Il-Kunsill jidhirlu li huwa xieraq li joħroġ linji gwida dwar l-aċċess għal rimedju għal vittmi u li għandu jiġi pprovdut mill-qrati nazzjonali? Ir-rapport tal-Kummissjoni tal-25 ta' Jannar 2018 dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-2013 dwar mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv fl-Istati Membri jispjega d-diverġenza li teżisti fid-disponibbiltà ta' dawn il-mekkaniżmi madwar l-UE. Xi rwol pożittiv jista' jkollu trattat tan-NU f'dan ir-rigward?

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Lulju 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza