Mistoqsija Parlamentari - O-000084/2018Mistoqsija Parlamentari
O-000084/2018

Il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tad-diplomi

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000084/2018
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Petra Kammerevert, f'isem il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

Proċedura : 2018/2838(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-000084/2018
Testi mressqa :
O-000084/2018 (B8-0415/2018)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

1. Bil-ħsieb li tkun realizzata "Żona Ewropea tal-Edukazzjoni" prevista sal-2025, xi rwol qed tipprevedi l-Kummissjoni għall-moviment liberu għal min jitgħallem?

2. X'effetti konkreti tistenna li tara l-Kummissjoni minn mobilità akbar għat-tagħlim, speċjalment fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u kif tista' tissaħħaħ din il-mobilità għat-tagħlim?

3. Tista' l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar jekk u liema ftehimiet bilaterali u multilaterali għar-rikonoxximent reċiproku u/jew awtomatiku tad-diplomi tal-edukazzjoni sekondarja ogħla u tal-edukazzjoni sekondarja għolja u ta' perjodi ta' studju barra mill-pajjiż huma attwalment fis-seħħ fost l-Istati Membri, fil-livell nazzjonali jew f'livell aktar baxx (eż. ftehimiet bejn universitajiet, li huma prinċipalment meħtieġa minħabba nuqqas ta' mekkaniżmi ta' rikonoxximent awtomatiku binazzjonali u multinazzjonali kif ukoll Ewropew)?

4. Liema proċeduri u strumenti ta' rikonoxximent fir-rigward ta' diplomi u perjodi ta' studju barra mill-pajjiż diġà jeżistu fis-settur tal-iskejjel, tal-edukazzjoni vokazzjonali u fis-settur tat-taħriġ u tal-edukazzjoni ogħla rispettivament, u x'inhuma l-punti b'saħħithom u d-dgħufijiet rispettivi tagħhom? Jeżistu differenzi identifikabbli bejn id-dixxiplini?

5. Il-Kummissjoni taf b'xi proġetti bilaterali jew multilaterali ta' Stati Membri li għandhom l-għan li jnaqqsu l-ostakli għall-mobilità fl-edukazzjoni lil hinn mill-Konvenzjoni ta' Lisbona u l-Proċess ta' Bologna? X'ostakli u problemi potenzjali, iżda wkoll soluzzjonijiet, ġew identifikati f'dan ir-rigward?

6. Il-Kummissjoni kif tara l-koordinazzjoni bejn "Żona Ewropea tal-Edukazzjoni" futura u ż-"Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja" f'termini ta' rikonoxximent ta' diplomi?

7. X'vantaġġi tistenna l-Kummissjoni minn mekkaniżmu ta' rikonoxximent awtomatiku fl-UE kollha għal diplomi ta' edukazzjoni ogħla u ta' edukazzjoni għolja kif ukoll għal perjodi ta' tagħlim barra mill-pajjiż (inklużi perjodi ta' studju tal-iskola), u liema jkunu l-akbar sfidi li jridu jiġu indirizzati?

8. Kif jistgħu l-Istati Membri jkunu mħeġġa jaqblu dwar mekkaniżmu potenzjali futur għar-rikonoxximent awtomatiku, filwaqt li jindirizzaw biżgħat eżistenti ta' żieda fl-"eżodu ta' mħuħ"?

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Awwissu 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza